Fl-indirizz tiegħu lill-Parlament Ewropew f’Settembru 2018, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker, sejjaħ lill-Afrika l-futur tad-dinja u l-kontinent tewmi tal-Ewropa. Qal li sal-2050 il-popolazzjoni Afrikana ser titla’ għal 2.5 biljun ruħ – kwart tal-popolazzjoni dinjija, iżda qal ukoll li rridu nieqfu nħarsu lejn il-Kontinent Afrikan bħala l-kontinent tal-karità. Illum 36% tal-kummerċ fl-Afrika huwa mal-UE li qed tħares ’il quddiem lejn ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn iż-żewġ kontinenti. Malta hemm bżonn tkun minn tal-ewwel fiċ-ċentru ta’ dan kollu. U permezz ta’ politiċi avangardisti, is-settur tal-enerġija huwa s-settur li jista’ jerġa’ jagħmilna pijunieri.
Sal-lum l-Afrika għandha ħafna għejun ta’ enerġija bbażati fuq il-fossili. Madanakollu, dipendenza kontinwa fuq iż-żejt u l-gass se ġġib riperkussjonijiet soċjali, ekonomiċi u ambjentali u għalhekk toħloq xorta ħtieġa għal qalba għal riżorsi rinovabbli.
Bħala Maltija dan is-settur huwa ferm għal qalbi. Filwaqt li huwa ċ-ċavetta għall-prosperità fl-Afrika huwa wkoll il-pass li jmiss għal pajjiżna. Il-Pajjiżi Afrikani għandhom meded ta’ art għerja ma jispiċċaw qatt. Aħna m’għandniex art, imma għandna stejjer ta’ suċċess fil-qasam tal-enerġija. Is-suċċess miksub minn Malta fil-Montenegro, għandu jiġi repetut fuq l-iskala Afrikana. Irridu nfasslu, bi sħab ma’ pajjiżi Afrikani, pjan komprensiv għat-tranżizzjoni għall-enerġija rinovabbli tal-kontinent Afrikan. It-tkabbir ekonomiku fl-Afrika jeħtieġ li l-provvista tal-enerġija tkun mill-inqas irduppjata sal-2030.
Fl-Afrika, l-idroenerġija, il-kapaċità tar-riħ u l-kapaċità solari jistgħu jikbru sa 10 darbiet aktar. Ir-riżorsi solari u tar-riħ huma abbundanti kullimkien. Il-biomassa u l-idroenerġija huma abbundanti fl-imsaġar ċentrali u n-nofsinhar. L-enerġija ġeotermika hija kkonċentrata tul il-Great Rift. Ix-xatt estensiv tal-Afrika jissuġġerixxi wkoll potenzjal.
Għaldaqstant ġaladarba Membru Parlamentari Ewropew se nagħmel ħilti kollha biex permezz ta’ kummerċ fil-qasam tal-enerġija Malta fl-UE tkun dak l-ixprun tant meħtieġ li jwassal lill-Afrika tilħaq mal-aspirazzjonijiet taż-żgħażagħ tagħha b’benefiċċji li jilħqu mhux biss lill-Afrika nnifisha u ’l-UE imma wkoll lil Malta art twelidna.