Ir-relazzjonijiet diplomatiċi u kummerċjali bejn Malta u l-Ghana kienu msaħħa permezz ta’ delegazzjoni kummerċjali mmexxija mill-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar Silvio Schembri bil-parteċipazzjoni ta’ 27 kumpanija u istituzzjoni lokali Maltin bħall-Malta Enterprise, l-MCAST u l-Università ta’ Malta. L-għan ta’ din is-delegazzjoni kummerċjali kien li ssostni l-istrateġija ta’ internazzjonalizzazzjoni tal-gvern li tassisti kumpaniji Maltin sabiex jespandu fi swieq ġodda u jesploraw kontinenti ġodda minn barra dak tal-Ewropa, bil-Ghana bħala l-post ewlieni għar-Reġjun tal-Afrika tal-Punent.
Waqt it-tieni forum ta’ negozju Ghana-Malta, organizzat minn Trade Malta, il-Ministru Silvio Schembri qal li Malta poġġiet lill-Ghana fuq nett tal-lista sabiex magħha jkunu żviluppati sforzi ġodda ta’ kummerċ mal-kontinent Afrikan—deċiżjoni li hija ċentrali għall-Malta-Africa 2020-2025 Partnership Strategy, li l-gvern nieda bil-għan li joħloq opportunitajiet ta’ kummerċ għaż-żewġ pajjiżi filwaqt li ż-żewġ popli jersqu eqreb ta’ xulxin.
Il-kooperazzjoni u l-kollaborazzjoni bejn il-Ghana u Malta kienet issiġġillata bl-iffirmar ta’ Memorandums ta’ Ftehim ippreseduti mill-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar Silvio Schembri flimkien mal-Ministru tal-Ghana għall-Kummerċ u l-Industrija Alan Kyerematen.
“Din hija kisba kbira li hija testimonjanza għar-relazzjonijiet b’saħħithom bejn iż-żewġ nazzjonijiet li huma msieħba naturali sabiex jixprunaw l-iżvilupp taż-żewġ pajjiżi. Il-ġeografija tista’ tiddefinixxina, l-istorja iġġibna iżjed eqreb, il-ħsibijiet tagħna jgħaqqduna. Minbarra l-għajnuna li qed tingħata bħala Gvern għall-kumpaniji lokali sabiex jespandu l-operat tagħhom fis-suq Afrikan, permezz ta’ din id-delegazzjoni kummerċjali, l-iffirmar ta’ ħames Memorandums ta’ Ftehim juru l-impenn ta’ Malta li tiżviluppa l-kummerċ mal-Ghana. Intenni l-impenn tal-Gvern li nixprunaw l-esportazzjoni ta’ prodotti Maltin tal-ogħla kwalità u s-servizzi kif ukoll li ssir ħidma mill-qrib ma’ awtoritajiet mill-Ghana sabiex ikunu jistgħu jattiraw investiment dirett barrani flimkien ma’ kumpaniji bbażati f’Malta u awtoritajiet”, tenna l-Ministru Silvio Schembri.
Il-Ministru Schembri ddiskuta l-possibilità ta’ programm intraprenditorjali u edukattiv għall-immigranti irregolari mill-Ghana li jinsabu f’Malta, sabiex wara li jsegwu dan il-programm dawn il-persuni jirritornaw lura l-Ghana b’mod legali u jkunu f’pożizzjoni aħjar sabiex jibdew attività ekonomika ġdida f’pajjiżhom. Dan għandu jagħti lura lill-persuni mill-Ghana l-opportunità għal futur aħjar filwaqt li nkunu qed ngħinu sabiex ikunu ta’ kontribut u tkun iġġenerata iżjed attività ekonomika permezz ta’ negożji ġodda ta’ start-ups u kummerċ.
Il-Ministru tal-Ghana responsabbli mill-Kummerċ u l-Industrija Alan Kyerematen iddeskriva dawn il-laqgħat bħala pożittivi ħafna u qal li l-isħubija strateġika ma’ Malta għandha tara lil Malta bħala l-post sabiex il-Ghana tkun tista’ timraħ għal swieq Ewropej, u l-istess tista’ sservi l-Ghana għal Malta għal swieq Afrikani. Dwar il-fiduċja u l-ħbiberija żviluppata bejn iż-żewġ nazzjonijiet, il-Ministru Kyerematen iddeskriva r-relazzjonijiet diplomatiċi li għandha l-Ghana ma’ Malta bħala eċċellenti. “Malta għandha post strateġiku sabiex tgħin lill-Ghana li issa li tagħmel parti miż-żona ta’ kummerċ ħieles Afrikan sabiex tilħaq l-Ewropa”, qal il-Ministru.
Il-Ministru Schembri mexxa laqgħat bilaterali mal-Ministru tal-Avjazzjoni Kofi Adda u l-Ministru għall-Iżvilupp tan-Negozju Ibrahim Mohammed Awal. Il-potenzjal ta’ proġetti kollaborattivi f’setturi varji kienet fuq nett tal-aġenda tal-gvern tal-Ghana fejn ġew diskussi oqsma importanti ta’ kummerċ li jikkumplimentaw l-istrateġija ta’ iżjed tkabbir ekonomiku. “Min-naħa l-oħra Malta hija kommessa li tgħin kumpaniji Maltin joffru prodotti u servizzi fi proġett importanti fil-Ghana bil-possibilità li jkunu esportanti lejn is-suq Ewropew u dak Amerikan. Iż-żewġ naħat iddiskutew li tkun sostnuta l-konnettività internazzjonali lejn il-Ghana permezz ta’ rotta ġdida operata direttament minn Malta mill-Air Malta. Il-Ministru Schembri qal li din l-inizjattiva hija important sabiex ikun xprunat il-kummerċ bejn il-Ghana u l-kumplament tal-Unjoni Ewropea madankollu dan jeħtieġ investiment sinifikanti li jirrikjedi l-kooperazzjoni miż-żewġ pajjiżi.
L-ewwel mill-ħames Memorandums ta’ Ftehim kien iffirmat bejn Malta Enterprise u Impact Hub Accra, ċentru ewlieni għall-innovazzjoni u intraprenditorjali soċjali fil-Ghana li jħares lejn tkabbir inklussiv ta’ start-ups permezz ta’ inkubaturi u programmi li jimbuttaw dan il-qasam. Il-ftehim se jwitti triq għal programm ta’ skambjar ta’ start-ups u intraprendituri bejn iż-żewġ partijiet. Il-kollaborazzjoni se ssir fuq setturi bħall-kura tas-saħħa, it-teknoloġiji tal-ikel, l-avjazzjoni, l-ekonomiji kreattivi u l-industrija. L-għan tal-programm huwa li jirrikonoxxi u jappoġġja l-attivitajiet intraprenditorjali ta’ interess reċiproku u jgħinhom isiru opportunitajiet għaż-żewġ pajjiżi.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia qal li Malta qed tipprovdi pont ta’ opportunitajiet għal start-ups, intraprendituri u talent ġdid biex jiżviluppaw ideat u jikbru fir-Reġjun tal-Euro Med u jiffurmaw ċentru ideali f’Malta. “L-iffirmar ma’ Impact Hub Accra huwa biss il-bidu ta’ kollaborazzjoni li se tara investiment konkret li se jimxi mill-Ewropa għall-Afrika u viċi versa”, qal il-Ministru Farrugia.
Ftehim ieħor kien bejn l-Awtorità Maltija għall-Mediċini u l-Awtorità għall-Istandards fil-Ghana. Iċ-Chairperson tal-Awtorità Maltija għall-Mediċini Anthony Seraccino Inglott qal li l-kooperazzjoni f’oqsma ta’ interess għaż-żewġ awtoritajiet se jaraw l-iżvilupp ta’ kooperazzjoni industrijali bejn korpi farmaċewtiċi taż-żewġ pajjiżi parteċipi u l-iskambjar ta’ esperjenza u għarfien. L-awtorità qed toffri l-appoġġ tagħha lejn is-settur farmaċewtiku fil-Ghana billi tagħti taħriġ sabiex takkwista ċ-ċertifikat ta’ EU Good Manufacturing Practices. Il-qbil huwa intenzjonat li jippromwovi kollaborazzjoni fuq bini ta’ kapaċità fejn għandha x’taqsam reġistrazzjoni ta’ prodotti farmaċewtiċi, kwalità tal-kontroll farmaċewtika u farmokoviġilanza.’
It-tielet ftehim kien iffirmat bejn l-MCAST u Accra Technical University. Stephen Vella, il-General Manager għal MG2I fi ħdan l-MCAST qal li din hija esperjenza ġdida għall-MCAST għaliex se tkun qed testendi l-istrateġija ta’ internazzjonalizzazzjoni. “Se nkunu qed nesploraw il-kontinent Afrikan biex infittxu kollaborazzjoni ma’ msieħba edukattivi oħra. Qed inħarsu ‘l quddiem għal dawn ir-rabtiet inizjali tagħna mal-Ghana. Permezz ta’ dan il-ftehim, l-MCAST se toffri l-opportunità lill-istudenti tal-Ghana biex jiksbu kwalifika rikonoxxuta mill-Unjoni Ewropea, li se tiftaħ possibiltajiet biex ikomplu l-istudji u jsostnu l-ħiliet intraprenditorjali tagħhom fil-Ghana u anke fl-Ewropa. Aħna miftuħin ukoll biex niddiskutu kollaborazzjoni futura ma’ istituzzjonijiet oħra fil-Ghana li juru interess li jestendu t-taħriġ ta’ VET permezz tal-MCAST”, qal is-Sur Vella.
Il-grupp ibbażat f’ Malta AquaBiotech iffirma żewġ ftehim ta’ qbil ieħor mal-kontropartijiet fil-Ghana għall-iżvilupp tan-negozju fl-akkwakultura u s-sajd.
Din it-tieni missjoni tal-Kummerċ fil-Ghana, qed tiġi organizzata permezz ta’ TradeMalta mmexxija mill-Kap Eżekuttiv Anton Buttigieg bl-appoġġ sħiħ tal-uffiċċju diplomatiku ta’ Malta fil-Ghana rrappreżentat mill-Kummissarju Għoli Jean Claude Galea Mallia.
Ritratti: MEIB