“Post meraviljuż u uniku, b’poplu straordinarju”.
Dan kien kliem il-kantant Taljan ta’ fama mondjali, Gigi D’Alessio, f’konferenza tal-Aħbarijiet, b’rabta mal-Vernal Festival, li se jilħaq il-qofol tiegħu fit-23 ta’ Marzu, permezz tal-kunċert minn D’Alessio nnifsu.
F’kumment ma’ dan l-istazzjoni, il-kantant Taljan, qal li mhux biss ġie f’pajjiżna 8 darbiet, iżda wkoll, li dejjem ħassu milqugħ mill-poplu Malti.
Qal, “Dejjem ħassejtni ‘at home’ hawnhekk, poplu ġeneruż u li dejjem laqani b’idejh miftuħin allura kelli aktar motivazzjoni li niġi Malta, motivazzjoni akbar biex inkanta mal-orkestra straordinarja għaliex dan il-kunċert se jkun kunċert uniku. L-imħabba kollha li għandi se nħallija hawnhekk f’Malta.”
F’din l-istess konferenza, tħabbar ukoll, li permezz ta’ kollaborazzjoni mal-Malta Trust Foundation, D’Alessio se jkun akkumpanjat fuq il-palk minn Alessia Bonnici, ta’ 18-il sena, u li għandha l-awtiżmu.
Tkellmet dwar dan il-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca, li tmexxi wkoll The Malta Trust Foundation, li spjegat kif din se tkun opportunità biex tesebixxi l-ħidma ta’ Villa Bianca, maħsuba biex jitħaddan il-prinċipju tal-inklużjoni, anke fil-mużika.
Il-Maestro Paul Borg, li huwa l-fundatur u d-Direttur tal-band Versatile, li se tkun qed takkumpanja lill-kantant Taljan, spjega kif il-Vernal Festival, li se jittella’ bejn il-15 u l-24 ta’ Marzu, qed jagħti wkoll pjattaforma lill-artisti lokali żgħażagħ.
Qal, “Dan huwa kunċert ta’ għaqda. M’għandux ikun hemm streaming bejn xi ħadd jew xi ħaddieħor. Dak it-talent urieh. Qed nagħtu din l-okkażjoni, lill-poplu Malti u Għawdxi wkoll.”
Iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Gavin Gulia, qal li dawn l-avvenimenti madwar Malta u Għawdex, se jkomplu jagħtu viżibilità lil pajjiżna anke barra minn xtutna.
Il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, semma wkoll kif din il-ġimgħa, tħabbar li tul is-sena li għaddiet, pajjiżna, kiseb ċifri rekord fit-turiżmu. Temm jgħid li dan il-festival mhux biss se jkun immirat għal dawk barra minn xtutna, iżda wkoll għall-familji Maltin.
Qal, “Dan l-avveniment, jidħol tant tajjeb fl-istrateġija ta’ pajjiżna għat-turiżmu, hekk kif qed inkomplu nibnu fuq riżultati tas-sena li għaddiet, sabiex din is-sena mmorru għal kwalità ogħla fit-turiżmu. L-għan tagħna huwa dak li nsostnu dawn ir-riżultati, filwaqt li jkollna prodott diversifikat x’noffru kemm lill-familji Maltin u Għawdxin, u anke lit-turisti li jżuruna u dan huwa importanti għax qed isir fl-ewwel kwart tas-sena, sabiex inkomplu nissaħħu.”