F’Malta bħalissa għaddejja ħidma leġislattiva sabiex fiż-żmien li ġej tibda topera l-ewwel Children’s house f’pajjiżna.
B’din il-liġi it-tfal kollha mhux se jkunu qed jirfsu aktar l-għatba tal-Qorti biex jixhdu jew jgħinu f’xi każijiet, hekk kif din l-esperjenza setgħet tħalli effetti negattivi fuqhom.
Dan jista’ jseħħ permezz tal-liġi l-ġdida għall-protezzjoni tat-tfal, li għalkemm għadha ma daħlitx fis-seħħ, id-dar diġa’ sabet postha f’Santa Venera.
Ma’ dan l-istazzjoni l-Avukat li fassal din il-liġi Dr Andy Ellul, spjega kif b’din id-dar, it-tfal issa se jkunu qishom deħlin ġo dar normali u mhux binja formali bħal dik tal-Qorti.
Hu spjega: “Meta għandek proċeduri ġudizzjarji li jikkonċernaw il-minuri jinstemgħu hemmek, iżda mhux ser jinstemgħu bl-ambjent formali li nafu biħ illum. Iġifieri l-mistoqsijiet isiru mill-esperti mhux mill-Avukat jew mill-ġudikant.”
L-Avukat Ellul spjega li sabiex sar dan, il-professjonisti li se jaħdmu ma’ dawn it-tfal ingħataw taħriġ estensiv.
Dr Ellul sostna: “Membri li jaħdmu fit-taqsima taċ-Child Protection mill-FSWS marru wkoll għal training speċjalizzat fosthom ġewwa l-Istati Uniti biex jitgħallmu anke kif isir dan il-metodu ta’ mistoqsijiet lill-munuri.”
Dr Ellul żied jgħid li dawn l-professjonisti żaru wkoll djar oħra simili fosthom dik tal-Iżlanda minn fejn oriġina dan il-kunċett.
Intant, wara li l-Awditur Ġenerali kkumennta b’mod pożittiv dwar il-liġi l-ġdida u qal li din ser tkun qed tagħti pożizzjoni b’saħħitha lil min iħares lit-tfal, il-Ministru għall-Ħarsien tat-Tfal Michael Falzon qal li f’dan iż-żmien tal-imxija, din il-liġi ma ntesitx.
Il-Ministru Farrugia stqarr: “Ir-rapport faħħar diversi aspetti li hemm fil-liġi l-ġdida partikolarment li għadha ma daħlitx fis-seħħ mhux għax insejnieha jew għax mhux qiegħda fuq l-aġenda imma għax il-Qorti bħalissa magħluq u l-liġi l-ġdida tpoġġi dak l-impetus legali ma tagħmilx il-ħajja faċli għal ħadd.”
Il-Ministru semma wkoll li bħalissa hemm bżonn aktar ħaddiema soċjali biex jaħdmu fost oħrajn mat-tfal.