“Possible Worlds”, huwa l-isem ta’ esebizzjoni multidixxiplinarja li qed tittella’ fi Spazju Kreattiv, fiċ-Ċentru Nazzjonali għall-Kreattività fil-Belt.
Din l-esebizzjoni turi xogħol artistiku multimedjali minn artisti rinomati, filwaqt li tidħol fit-tħassib ambjentali urġenti li jirriżulta mill-espansjoni urbana u mill-impatt konsegwenti fuq l-ambjent naturali u soċjali.
Qed tipprovdi pjattaforma kemm għall-artisti Maltin kif ukoll internazzjonali biex jippreżentaw il-perspettivi tagħhom f’firxa rikka ta’ xogħlijiet artistiċi.
Il-viżitaturi għandhom l-opportunità li jirriflettu dwar ir-relazzjoni intrikata bejn is-soċjetà umana u l-ambjent, u jesploraw il-possibilitajiet alternattivi għal ġejjieni aktar sostenibbli.
Id-diversità fl-espressjoni artistika, ikkummissjonata minn Spazju Kreattiv, f’kollaborazzjoni mal-Festival ŻiguŻajg u l-Kunsill Malti għall-Arti, flimkien mal-imsieħba l-Valletta Design Cluster u l-Valletta Cultural Agency, tenfasizza l-missjoni usa’ tal-esebizzjoni li tippromwovi l-kuxjenza u trawwem id-djalogu dwar il-kwistjonijiet ambjentali.
Il-kuratura Nikki Petroni qalet li din l-esebizzjoni hija spazju għat-tagħlim biex tgħin lill-udjenzi japprezzaw l-arti.
“Parti importanti tal-proġett huwa l-parti edukattiva. Minbarra l-esebizzjoni għandna wkoll workshops li se jkunu għaddejjin mil-lum sal-aħħar tal-esebizzjoni li tagħlaq fl-għaxra ta’ Diċembru li huma kollha bbażati fuq l-istess tema u t-tfal se jkollhom iċ-ċans li jaħdmu mal-artisti.”