Il-belt ta’ Portsmouth, fin-nofsinhar tal-Ingilterra pproponiet ġemellaġġ mal-kapitali Maltija, Valletta minħabba s-similaritajiet bejn iż-żewġt ibliet.
Din il-proposta ġiet minn, Charlotte Gerada, kunsilliera li tmexxi l-grupp tal-Partit Laburista Ingliż fil-Kunsill ta’ Portsmouth.
Fil-fatt, Gerada proponiet li jsir tali ġemellaġġ ma’ pajjiżna lill-awtorità li tieħu ħsieb il-ġemellaġġi, hekk kif sostniet li Portsmouth u l-Belt Valletta għandhom rabtiet b’saħħtihom.
Apparti minn hekk, f’din il-belt hemm ukoll komunità attiva ta’ Maltin li jorganizzaw attivitajiet ta’ sikwit, kif anke innota s-sit tal-BBC, li żvela din il-aħbar.
Fil-fatt, Charlotta Gerada għandha dixxendenza Maltija, kif jissuġerixxi kunjoma. Hi tispjega kif il-komunità Maltija f’Portsmouth kibret fis-sebgħinijiet meta ħaddiema tat-tarzna, Maltin ħallew pajjiżna, inkluż nannuwha.
Dak iż-żmien il-qasam marittimu f’pajjiżna kien wieħed b’saħħtu ferm, b’mod partikolari minħabba l-ħakma tal-imperu Ingliż f’pajjiżna, bħala post strateġiku fil-Mediterran li serva għal ħafna snin bħala bażi militari navali.
Għaldaqstant, skont Gerada, Malta hija rinomata fir-Renju Unit fejn jidħol il-marittimu, dan anki fid-dawl li kienu mijiet ta’ suldati Ingliżi li wkoll ħadmu f’pajjiżna waqt l-istess ħakma.
Is-similaritajiet bejn iż-żewġt ibliet, sostniet li ma jieqfux hawnhekk hekk kif semmiet, il-fortifikazzjonijiet simili u l-attitudni li ż-żewġ popli għandhom lejn il-ħajja.
Il-konoxxenza ta’ din il-belt għall-istorja ta’ pajjiżna tirrifletti wkoll fl-inizjattiva li qabel li tittieħed mis-Sindku ta’ Portsmouth, Jason Fazackarley, li nhar il-wieħed u għoxrin ta’ Settembru, f’jum l-Indipendenza Maltija, titella’ ċeremonja b’turija ta’ rispett.
Is-Sindku tal-Belt Valletta, Olaf McKay, laqa’ b’sodisfazzjon din l-inizjattiva.
Permezz ta’ kitba fuq il-midja soċjali, McKay ħabbar li għamel kuntatt ma’ Gerada biex din l-inizjattiva ssir ir-realtà. Huwa stqarr kif l-inizjattiva tirrikjedi proċess twil però nnota kif hemm qbil fil-prinċipju biex dan il-ġemellaġġ isir.
Jekk din l-inizjattiva tirnexxi l-Belt Valletta se tingħaqad ma’ diversi ibliet oħra li Portsmouth għandha ġemellaġġi magħhom, fosthom fi Franza, il-Ġermanja, Iżrael, l-Awstralja, il-Ġappun, iċ-Ċina, il-Bangladesh u l-Canada.