Il-Papa Franġisku qal li jaf jikkunsidra li jordna rġiel miżżewġin bħala qassisin – taħt ċirkustanzi speċifiċi – dan fid-dawl tan-nuqqas ta’ qassisin Kattoliċi.
Hu kien qed jitkellem dwar il-possibiltà ta’ viri probati, rġiel miżżewġin bi twemmin b’saħħtu, li jwettqu dawn id-dmirijiet.
“Irridu naħsbu dwar il-viri probati bħala possibiltà,” qal il-Papa waqt intervista ma’ gazzetta Ġermaniża, Der Zeit.
Hu kompla billi qal li dawn huma rġiel b’possibiltà li jaħdmu f’żoni iżolati.
Il-frażi Latina viri probati tiġi wżata biex tirreferi għal irġiel miżżewġa bi twemmin b’saħtu, li normalment huma ta’ età kbira bit-tfal ikunu diġà leħqu l-età ta’ maturità.
Minkejja li rrimarka fuq il-possibiltà limitata li rġiel miżżewġa jiġu aċċettati bħala qassisin fil-Knejjes, il-Papa bl-ebda mod ma qal li se jkun qed ineħħi ċ-ċelebat għall-qassisin żagħżugħa.
Hu qal li ċ-ċelebat volontarju – li qassisin żagħżagħ jiġu offruti l-għażla jekk jastjenux minn żwieġ u ħajja sesswali – mhix “solluzzjoni” għal din il-mistoqsija.