Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis stqarr li diriġenti mill-Isle of MTV, Viacom Media Networks, qed jinnegozjaw mal-awtortijeit Maltin sabiex il-kunċert jibda jsir fuq medda ta’ aktar jiem. Biex minflok serata ta’ mużika, jiġi jixbah aktar il-kunċett ta’ music week, avvenimenti popolari ferm barra minn xtutna. Il-Minsitru spjega li ladarba jsir investiment daqshekk qawwi, tkun tagħmel sens li l-avveniment idum aktar, u b’hekk ikun ta’ benefiċċju għal pajjiżna.
Dan ikun pass importanti ħafna, f’pajjiż fejn it-turiżmu għadu jiddependi xi ftit minn turisti li huma aktar avvanzati fl-età. Pass bħal dan ikun ifisser li Malta tkompli ssir destinazzjoni popolari fost dawk taħt l-24 sena. Dan it-tip ta’ turiżmu, spjega l-Ministru, ifisser aktar qligħ għal negozji Maltin.
Spjega wkoll kemm huwa importanti s-sens ta’ responsabilità lejn il-komunità. Filwaqt li għaraf li l-kunċert jista’ joħloq inkonvenjent lir-residenti Furjaniżi, spjegalna li ingħatat donazzjoni ta’ għoxrin elf ewro lil-lokalità tal-Furjana. Il-Ministru jemmen li din hija prattika li għandha tintuża wkoll fejn tidħol l-industrija tal-films f’pajjiżna.
F’kummenti wara l-kunċert, il-Minsitru stqarr magħhna li l-ikbar sodisfazzjoni hija li aktar minn ħamsin elf ruħ attendew mingħajr problemi kbar għas-saħħa u s-sigurtà. “Kien suċċess totali” qal Zammit Lewis, filwaqt li rringrazzja lil bosta entitajiet, fosthom l-MTA, il-Pulizija, is-servizzi sigrieti, l-għajnuniet mediċi u l-organizzaturi tal-kunċert. Ma naqasx jirringrazzja lid-dipartiment tat-tindif li ħalla z-zona nadifa sas-siegħat bikrija ta’ dalgħodu.