L-aġenzija għas-servizzi korettivi għaddejja b’diskussjonijiet sabiex titieħed deċiżjoni dwar x’investiment irid isir fil-binja tal-ħabs minħabba li huwa żgħir għal ammont ta’ priġunieri li hemm.
Waħda mill-possibilitajiet li qiegħda tiġi kkunsidrata hija dik li jinbena mill-ġdid il-ħabs f’Raħal Ġdid.
Il-ħabs inbena 170 sena ilu.
Ma’ dan l-istazzjon, id-Direttur tal-Ħabs il-Kurunell Alexander Dalli spjega li preżentament l-popolazzjoni fil-ħabs hija ta’ 800 priġunier. Hu stqarr: “Għaldaqstant qed isiru diskussjonijiet. Jew inkomplu nraqqu jew inkella titieħed bis-serjetà d-deċiżjoni li jinbeda li jikkumplimenta mal-modernizzar tal-pajjiż.”
Il-Kurunell Dalli spjega kif ir-rijabilitazzjoni fil-ħabs tmur anki id f’id mal-irranġar ta’ ambjent f’Kordin fejn il-priġunieri diġà qed jagħtu daqqa t’id.
Il-Kurunell Dalli sostna: “It-tindif u l-innovazzjoni li sar fil-ħabs fl-aħħar 15-il xahar sar mill-priġunieri. Qegħdin jieħdu gost li anki huma qegħdin jinvolvu ruħhom.”
Kull xahar mas-70 priġunier joħorġu mill-ħabs jew fuq ħelsien mill-arrest jew inkella għax itemmu s-sentenza li jkollhom jiskontaw. Iżda kull xahar jidħlu mal-75 priġunier ġdid.
Minkejja li l-popolazzjoni qed tiżdied id-direttur tal-ħabs il-Kurunell Dalli qal li kull priġunier jiġi trattat b’dinjità, bl-uffiċjali korettivi jagħmlu mill-aħjar li jistgħu mal-priġunieri. Hu temm jispjega: “Is-servizz li nagħtu lil priġunier dejjem jiżdiedu. Apparti t-theddid u l-kritika li ħafna drab hija inġusta fuqna, ikollna bilfors nkomplu naħdmu u nibqgħu għaddejjin.”