Avvenimenti sportivi kbar fl-Ingilterra fosthom logħob tal-Premier League jistgħu jintlagħbu b’bibien magħluqin minħabba t-tifqiegħa tal-Coronavirus.
Awtoritajiet sportivi u xandara iddiskutew mal-Gvern dwar pjanijiet ta’ kontinġenza f’każ li l-virus jinfirex aktar. Fil-laqgħa ġew diskussi diversi possibilitajiet fosthom li l-league Ingliż jiġi pospost jew li jintlagħbu l-logħob bil-bibien magħluqa. L-aħħar proposta hija l-aktar possibilità li tiġi fis-seħħ fl-eventwalità li l-virus jinfirex.
Kien hemm l-idea wkoll li jiġu projbiti anzjani li għandhom ‘il fuq minn 70 u li huma aktar vulnerabbli għall-infezzjoni milli jidħlu fl-istadiums. Din il-proposta tista’ taffetwa lill-kowċ tal-Crystal Palace, Roy Hodgson, li għandu 72 sena.