L-assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u Ristoranti (MHRA) innotat ir-riżultati tar-referendum u qed tiddiskuti mal-Ministeru għat-Turiżmu sabiex tara kif jista’ jkun affetwat is-settur f’pajjiżna.
Fi stqarrija qalu li l-fatt li r-Renju Unit se jitlaq mill-Unjoni Ewropea se jfisser numru ta’ sfidi possibbli għal Malta. It-turiżmu mir-Renju Unit jirrappreżenta 30% ta’ dawk kollha li jiġu Malta, u kkontribwixxi għal ftit inqas minn nofs biljun ewro fl-ekonomija s-sena li għaddiet.
Il-President Tony Zahra qal li prezz dgħajjef tal-isterlina ifisser li se tkun tiswa aktar biex turisti mir-Renju Unit imorru btala barra pajjiżha. Fakkar li t-turist Ingliż huwa tip ta’ turist sensittiv għall-prezzijiet ta’ servizzi u prodotti. Zahra jemmen li hemm bżonn ukoll li jkun ikkunsidrat l-impatt fuq il-libertà tal-moviment fl-ajru, inkluż tal-linja nazzjonali tal-ajru Airmalta.
Il-ġimgħa d-dieħla l-MHRA se torgaizza seminar biex tidentifika x’hemm bżonn isir sabiex l-isfidi jkunu milqugħa bl-aħjar mod.