Bħalissa għaddejjin diskussjonijiet sabiex mill-aħħar ta’ Ġunju l-anzjani fid-djar tal-anzjani jkunu jistgħu jżuru lil qrabathom.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Anzjanità Attivà Michael Farrugia, waqt li kien qed jinawgura Ċentru ta’ Matul il-jum bl-isem tal-Komunità ta’ San Tumas f’Wied il-Għajn.
Il-Ministru Farrugia qal kif dan l-iżvilupp dwar il-ħruġ tal-anzjani qed isir fid-dawl li t-Tnejn tnaqqsu aktar miżuri restrittivi, li wassal biex l-anzjani fi gruppi żgħar bdew joħorġu mid-djar u wkoll jistgħu jiltaqgħu mal-qraba bid-distanza.
Huwa stqarr: “Matul Ġunju huwa maħsub illi ħa jkompli jitnaqqsu r-restrizzjonijiet sakemm fl-aħħar naslu għan-normalità u l-anzjani mhux biss jistgħu jiġu jżuruhom fir-residenzi, fejn huma qegħdin, imma anke li jitħallew joħorġu għand il-qraba tagħhom.”
Waqt l-inawgurazzjoni ta’ dan iċ-ċentru ta’ matul il-jum, il-Ministru Michael Farrugia qal li dan iċ-ċentru sar permezz ta’ ftehim bejn il-Gvern u l-privat.
F’dan iċ-ċentru, l-anzjani se jkollhom diversi attivitajiet; fosthom dawk edukattivi u soċjokulturali.
Dwar dan iċ-ċentru, tkellimna mad-Direttur ta’ din id-dar tal-anzjani Charlene Borg.
Hija qaltilna: “Id-dar tagħna għandna 286 resident fiha, hija dar ġdida li ftaħna m’ilux u issa ddeċidejna li nkomplu ntejbu s-servizz tagħna billi niftħu dan iċ-ċentru ta’ matul il-jum biex ngħaqqdu lir-residenti tagħna ma’ nies oħrajn, l-anzjani fil-komunità.”