Sas-sena 2021 hemm possibilità li fl-ibħra Maltin ikollna l-ewwel photovoltaic solar farm.
Bħalissa l-Istitut għall-Enerġija Sostenibbli fl-Università ta’ Malta għaddej b’riċerka biex fil-baħar fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta jkollna l-ewwel photovoltaic solar farm magħmul minn mijiet ta’ pannelli fotovoltajiċi.
Għaldaqstant, ġie iffirmat ftehim bejn ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma u l-Universita’ ta’ Malta, sabiex l-Universita’ tingħata aktar fondi għal dan l-proġett magħurfa Solaqua..
Il-Professur Luciano Mule’ Stagno li jmexxi l-Istitut għal enerġija sostenibbli fl-Università ta’ Malta qal li t-temp x-xemxi kwazi s-sena kollha fil-gzejjer maltin, huwa element essenzjali għall-ġenerazzjoni tal-elettriku mill- photovoltaic solar farm.
“Aħna ġa għamilna 3 snin naghmlu l-ittestjar u dawn kienu l ewwel testijiet. Barra minn malta ġieli jsiru fuq lakes imma aħna se nuzaw il baħar.”
Il-Photovoltaic solar farm mistenni jkun kbir daqs grawnd tal-football. Luciano Mule Stagno qal li minħabba li f’Malta m’għandniex art biżżejjed biex nibdu dawn is-solar farms, il-baħar huwa possibilita biex isir dan il-proġett.
Il-Prof. Stagno spjega kif l-ewwel ħsieb hu li jsir fis-South ta’ Malta fejn ma jkunx wisq il-bogħod mill-art iżda fl-istess waqt irid ikun f’fond ta’ baħar ta’ bejn it-30 u l-50 metru.
Fl-iffirmar ta’ dan il-ftehim, il-Ministru tal-Enerġija Joe Mizzi ħabbar li waqt zjara li kellu fiċ-Ċina rnexxielu jasal fi ftehim mas-Shangai Electric. Ftehim li se jara memorandum of understanding bejn din il-kumpanija, ir-Regolatur u l-Universita ta’ Malta għal possibilità ta’ panneli fuq il-baħar. Ftehim li jgħin l-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett fuq skala ikbar.
“Dan il-ftehim sabiex jidħlu fil-parti implimentattiv u mill-aspett tekniku. U importanti wkoll li la jkun Malta jaħdmu mal-Universita’ ta’ Malta.”