Waqt laqgħa ta’ korteżija bejn il-Ministru għall-Familja għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon u l-Ambaxxatur tar-Repubblika tal-Kolombja Juan Mesa Zuleta kienet diskussa l-possibilità li fil-futur qarib ikun iffirmat Memorandum of Understanding bejn iż-żewġ pajjiżi dwar l-adozzjonijiet.
L-Ambaxxatur Zuleta qal li fil-Kolombja hemm tfal li m’għandhomx familja filwaqt li qed iħares lejn Malta bħala pajjiż avvanzat ħafna f’kull qasam. Waqt il-laqgħa l-Ministru Falzon u l-Ambaxxatur Zuleta esprimew ix-xewqa li ż-żewġ pajjiżi jistgħu jaħdmu aktar fil-qrib fil-qasam soċjali – liema ħidma tkun ta’ benefiċċju għaż-żewġ pajjiżi.
Il-Ministru Michael Falzon u l-Ambaxxatur Juan Mesa Zuleta tkellmu wkoll dwar il-ħidma tal-Gvern fil-qasam soċjali bil-ħsieb li jkun hemm għajnuna għal dawk l-aktar vulnerabbli. Waqt il-laqgħa saru wkoll diskussjonijiet dwar il-qasam tal-kirjiet u l-akkomodazzjoni soċjali.