Kelliem għall-Gvern Franċiż qal li l-curfew attwali tas-sitta ta’ filgħaxija mhix biżejjed biex tnaqqas it-tixtrid tal-virus tal-COVID-19, filwaqt li indika li jistgħu jiżdiedu aktar ir-restrizzjonijiet bit-tama li jonqsu l-infezzjonijiet.
Bħalissa l-Gvern Franċiż qed jikkunsidra kull xenarju: li jvarjaw miż-żamma tal-curfew attwali għal lockdown nazzjonali strett. Dawn id-deċiżjonijiet se jittieħdu fil-jiem li ġejjin, wara li fl-aħħar ġimagħtejn studjaw l-impatt tal-curfew li ddaħħlet fis-seħħ nhar is-sittax ta’ Jannar.
Nhar l-Erbgħa li għadda, il-President Franċiż Emmanuel Macron laqqa’ l-Kunsill għad-Difiża biex jiddeċiedu dwar il-miżuri tal-lockdown. Minkejja li l-Gvern Franċiż ma kkonferma xejn dwar dawn il-pjanijiet, sorsi viċin il-Gvern qalu li hija probabilità kbira illi Franza tmur għat-tielet lockdown nazzjonali.