L-ex President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Isport Akwatiku Joe Caruana Curran huwa wieħed mill-aħħar ismijiet li qed jissemma’ li possibilment jikkontesta l-elezzjoni ta’ President fi ħdan l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol.
F’nofs Marzu mistennija ssir l-elezzjoni għal terminu ieħor tat-tmexxija tal-MFA u s’issa huma l-President attwali Bjorn Vassallo u l-ex plejer ta’ bosta timijiet lokali Ridha Dardouri li kkonfermaw li se jkunu qed jikkontestaw din l-elezzjoni.
One Sport għamel kuntatt mal-istess Caruana Curran fejn min-naħa tiegħu kkonferma li fl-aħħar jiem avviċinawh numru ta’ klabbs sabiex jissottometti l-kandidatura tiegħu, iżda s’issa, deċiżjoni finali dwar jekk għandux jerġa’ jikkandida ruħu għall-għola pożizzjoni fi ħdan l-MFA, għadu ma ħadhiex.
Caruana Curran kien ikkontesta l-elezzjoni ta’ President tal-MFA fl-2004 meta dakinhar kien tilef kontra Dr Joe Mifsud. F’Lulju tal-2004 l-avukat Mifsud kien ġab 56 vot minn 97 filwaqt li l-ex President ta’ Valletta FC Joe Caruana Curran kien ġab 41 vot.
Is-sottomissjonijiet jagħlqu fl-aħħar tal-ġimgħa dieħla.
Ritratt: Times of Malta / Chris Sant Fournier