Fi stqarrija mill-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa ntqal li l-Isptar Mater Dei qiegħed jesperjenza influss ta’ persuni li qed jirrikorru għas-servizzi tal-Emerġenza ferm ogħla min-normal, b’riżultat tal-mewġa ta’ sħana li esperjenzaw il-gżejjer Maltin f’dawn l-aħħar jiem.
F’din l-istqarrija ntqal li biex tkun żgurata kura tal-ogħla livell lill-pazjenti kollha, l-Amministrazzjoni tal-Isptar iddeċidiet li tipposponi xi wħud mill-operazzjonijiet mhux urġenti li kienu skedati għal għada u għall-jiem ta’ wara.
Il-pazjenti affetwati se jingħataw appuntamenti ġodda.
L-Awtoritajiet tas-Saħħa appellaw mill-ġdid lill-pubbliku biex jittieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa biex jipproteġu lilhom infushom mill-effetti tas-sħana u jitkellmu mat-tabib jekk jesperjenzaw sinjali u sintomi ta’ eżawriment tas-sħana.