F’konferenza tal-aħbarijiet is-Sibt filgħodu fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-saħħa Chris Fearne, u l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbru bidliet li se jidħlu fis-seħħ minħabba l-imxija tal-Coronavirus f’pajjiżna.
Il-Ministru tas-Saħħa spjega li bħalma qed jiġri Malta, fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex ukoll se jiġu posposti l-operazzjonijiet u appuntament mediċi mhux urġenti.
Id-Deputat Prim Ministru spjega: “Numru ta’ servizzi illi l-kliniċi tagħna, l-professuri tagħna, l-ispeċjalisti tagħna, kirurgi tagħna deherilhom mingħajr ma ssir ħsara għas-saħħa tal-pazjent individwali jiġu posposti bi ftit ġimgħat jew bi ftit xhur ġew posposti wkoll. Jiġifieri kemm ċertu appuntamenti tal-outpatients kif ukoll ta’ operazzjonijiet illi m’humiex urġenti jew assoċjati mal-kanċer.”
Mill-aspett infrastrutturali kien hemm żieda ta’ 20 sodda fit-Taqsima tal-Kura Intensiva, u saru arranġamenti biex ikun hawn ħażna ta’ ċilindri għal ventilazzjoni li tista’ tinżamm għal perjodu twil.
Dr Zahra stqarr: “Qed nagħmlu taħriġ kif l-istaff jilbes u jinża l-ilbies protettiv għax din hija importanti ħafna, kif l-istaff li qatt ma ħadem ma pazjenti fil-kura intensiva ikun jista jieħu ħsiebhom b’mod li huwa sigur kemm għalih u għal kumplament tal-istaff u għal pazjent.”
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar li l-anzjani f’Dar Sant’Anna se jiġu rilokati.
Sostna li l-protokoll eżistenti li pazjent Għawdxi nfettat bil-Coronavirus jmur Malta b’vapur apposta se jibqa’ fis-seħħ.
Dan apparti s-servizzi li jsiru ta’ kuljum bħal fumigazzjoni tat-terminals, il-vapuri tal-Gozo Channel u l-karozzi tal-linja.
Il-Ministru Camilleri enfasizza wkoll li m’hemmx lok ta’ vjaġġar bejn iż-żewġ gżejjer li mhux essenzjali u saħaq li dan mhuwiex żmien ta’ vakanza.
Huwa sostna: “Qegħdin propju nattrezzaw madwar 123 sodda għal Coronavirus patients kif ukoll madwar 20 ITU li propju 13 minnhom ser ikunu ddedikati għal pazjenti Coronavirus.”
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li dawn l-isforzi qed jiġu rikonoxxuti u mfaħħra minn għaqdiet bħall-Għaqda Dinjija tas-Saħħa.
Huwa sostna: “L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa lbieraħ qalet f’laqgħa dinjija tas-saħħa bejn il-Ministri tas-saħħa kollha, ħarsu lejn Malta u għamlu bħal ma qed tagħmel Malta.”
Huwa saħaq li irridu nibqgħu ffukati biex jingħata l-aħjar servizz lill-poplu Malti u Għawdxi u sabiex nibqgħu nazzjon magħqud f’dan iż-żmien ta’ sfida.
Aqra wkoll:
https://www.one.com.mt/2020/03/28/l-ghaqda-dinjija-tas-sahha-ghazlet-lil-malta-bhala-ezempju-ta-kif-pajjiz-ghandu-jaffaccja-l-coronavirus/