L-imxija qawwija tal-influwenza li laqtet bosta pajjiżi fosthom lil Malta qed taffettwa l-operat ta’ bosta sptarijiet mhux l-inqas l-isptar Mater Dei. Bil-għan li tassigura s-saħħa tal-pazjenti u wara konsultazzjoni ma’ numru ta’ professjonijiet u esperti fil-qasam tas-saħħa, l-amministrazzojni tal-isptar ħabbret li numru ta’ interventi mhux kritiċi se jiġu posposti għal data oħra. Numru ta’ interventi mhux kritiċi fl-Isptar Mater Dei se jiġu posposti għal data fil-futur qrib. Dan wara li fl-aħħar tmienja u erbgħin siegħa l-isptar Mater Dei kompla jaffaċċja sfidi kbar kawża tal-influwenza qalilha lil laqtet lill-pajjiżna matul din is-sena.
L-isptar Mater Dei qal li fl-aħħar sigħat l-isptar kompla jħabbat wiċċu ma’ sfidi konsiderevoli kawża ta’ numru kbir ta’ pazjenti li talbu l-assistenza u kellhom jinżammu fl-isptar għal kura.
Għaldaqstant wara li l-amministrazzjoni tal-isptar tkellmet ma’ numru ta’ professjonisti u esperti fil-qasam iddeċidiet li għadd ta’ żoni li normalment jintużaw għal pazjenti li jkunu jeħtieġu kura għal jum wieħed, jinbidlu temporanjament għal faċilitajiet li jieħdu ħsieb pazjenti li għandhom bżonn iqattgħu iljieli fl-isptar.
L-amministrazzjoni ddeċidiet ukoll li numru ta’ interventi mhux kritiċi jiġu posposti għal data oħra fil-futur qrib. Qalet li interventi relatati ma’ kanċer jew oħrajn fejn intervent fil-ħin huwa kritiku għas-saħħa tal-pazjent se jkomplu għaddejjin normali.
L-amministrazzjoni tal-isptar skużat ruħha għall-inkonvenjent li dawn il-miżuri jistgħu jħallu fuq pazjenti milquta.
Saħqet li dawn il-miżuri qed jittieħdu biex jiġi żgurat li l-operat tal-isptar jkompli għaddej f’ambjent sigur u li joffri l-kwalità mixtieqa.
Sostniet li dawn il-miżuri se jgħinu lill-isptar jaffaċċja l-isfidi li din ix-xitwa, speċjalment l-influwenza prevalenti, qegħdin ipoġġu quddiemha. L-isptar Mater Dei appella lill-pubbliku biex juża s-servizzi ta’ emerġenza b’mod responsabbli għal benefiċċju ta’ pazjenti li verament ikollhom bżonn.
L-isptar Mater Dei ta ħajr lill-ħaddiema kollha, u stakeholders oħrajn, tax-xogħol dedikat u kollaborazzjoni kontinwa biex dawn l-isfidi jiġu ffaċċjati għal benefiċċju tal-pazjenti.