Bosta koppji li kellhom jiżżewġu fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin qegħdin iħassru jew jipposponu dik li kellha tkun l-isbaħ ġurnata ta’ ħajjithom.
Fil-fatt bosta għarajjes bdew jgħarrfu kontra qalbhom lill-mistednin tagħhom li kienu qegħdin jipposponu d-data tat-tieġ tagħhom.
Dan wara li b’sens ta’ responsabbiltà obdew id-direttivi li qed jingħataw mill-awtoritajiet tas-saħħa biex ma jiġux organizzati attivitajiet tal-massa minħabba t-tixrid tal-coronavirus.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Identity Malta spjega li dan ix-xahar kellhom jiżżewġu sebgħin koppja u li s’issa tħassru ħames żwiġijiet.
Madankollu spjega li meta koppja tapplika biex tiżżewweġ biċ-ċivil ikun hemm it-tnidijiet taż-żwieġ li tagħtihom tliet xhur żmien biex jiżżewwġu.
Spjega kif fl-isfond ta’ dak li qed jiġri, Identity Malta ħadet deċiżjoni sensibbli.
“Flimkien mal-Ministru Byron Camilleri u s-Segretarju Parlamentari Alex Muscat tkellimna u ġie deċiż illi dawn il-koppji li jmexxu d-data taż-żwieġ tagħhom u ħa jaqbżu l-perjodu ta’ tliet xhur imsemmija, li għadni kif semmejt, m’hu ħa jħallsu l-ebda miżata biex terġa’ tinħarġilhom it-tnedija taż-żwieġ.”
One news tkellem ma’ ħaddiem ta’ kumpanija li toffri s-servizzi tagħha dwar ikel u kiri ta’ sala tat-tiġijiet.
Qalilna kif kienu diversi koppji li ressqu għandhom biex imexxu t-tieġ għal data oħra.
“Speċjalment li kienu ħa jiżżewġu issa f’Marzu, t’April u anki l-bidu ta’ Mejju kienu qed jinkwetaw ovvjament. Is-sitwazzjoni hija illi qed inressqulhom it-tieġ fix-xhur ta’ wara. Ħafna qegħdin jibbukkjaw minn Awwissu l’hemm. Awwissu, Settembru, Ottubru, Novembru u Diċembru. Ħafna minnhom baqgħu f’din is-sena, il-maġġor parti tagħhom. Qed nitkellmu s’issa, avviċinawna xi għoxrin tieġ.”
Marco Buttigieg, b’esperjenza wiesa’ fit-tħejjijiet tat-tiġijiet qal li tħassrulhom żewġ tiġijiet li kellhom fi tmiem din il-ġimgħa.
“Il-wedding cakes li kellna dan il-weekend li tħassrulna t-tiġijiet, ukoll anki dan il-weekend stess, dawk kienu saru pero ovvjament mhux se taqa’ d-dinja I mean il-cake jista’ jiġi maqlugħ jerġa’. Ħafna mill-cakes illum il-ġurnata…”
“Ma ċċharġjatuhomx jiġifieri?”
“No no, ma tarax, din ma kellhomx kontroll fuqha, mhuwiex tort tagħhom.”