Iż-żjara tal-Papa ġiet posposta minħabba l-imxija tal-coronavirus.
Fi stqarrija konġunta maħruġa mill-Vatikan u l-Kurja ntqal li l-Papa Franġisku mhux se jżur pajjiżna fit-30 u l-31 ta’ Mejju li ġej wara qbil mal-awtoritajiet u l-Knisja Kattolika f’pajjiżna.
“Id-data tal-vjaġġ appostoliku tal-Papa tiġi definita aktar ’il quddiem”, stqarret il-Knisja f’Malta.
L-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex stiednu lill-insara jżommu lill-Papa Franġisku fit-talb tagħhom.
Il-kap tal-Knisja Kattolika kellu jagħmel ir-raba’ żjara uffiċjali ta’ Papa f’pajjiżna iżda r-restrizzjonijiet fuq l-attivitajiet tal-massa minħabba t-tixrid tal-Covid-19, wasslu biex iż-żjara tiegħu timxi għal data oħra li għadha mhiex magħrufa.
Iż-żjara tal-Papa kienet tħabbret b’mod uffiċjali mill-President ta’ Malta waqt il-quddiesa pontifikali tan-Nawfraġju ta’ San Pawl.
Dakinhar kien hemm ċapċipa li damet tidwi mal-knisja ta’ San Pawl kollha u eżatt wara l-Gvern kien laqa’ bil-ferħ din l-aħbar.