Il-kampjonat dinji tal-Atletika li kien se jsir f’Marzu f’Nanjing fiċ-Ċina ġie pospost għas-sena d-dieħla kawża tal-coronavirus.
Fi stqarrija l-Erbgħa filgħaxija l-Federazzjoni Internazzjonali tal-Atletika qalet li waslet għal din id-deċiżjoni sabiex tingħata direzzjoni f’sett ta’ ċirkustanzi kumplikati u li qed jiżviluppaw il-ħin kollu.
Qalet ukoll li ma kienx hemm għażla oħra ġalardarba li l-virus qed jinfirex b’mod allarmanti fiċ-Ċina u fil-bqija tad-dinja. Għal din ir-raġuni wkoll ma kinitx ikkunsidrata li l-kampjonati jsiru f’xi pajjiż ieħor.
Intant il-coronavirus jidher li qed ipoġġi f’riskju wkoll il-Grand Prix tal-Formula Wieħed li se jsir f’April li ġej fil-belt ta’ Shanghai. It-tmexxija tal-Formula Wieħed flimkien mal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Awtomobiliżimu qegħdin jikkunsidraw id-deċiżjonijiet li jistgħu jittieħdu inkluż li t-tellieqa tkun imħassra.
Il-Kummissjoni għas-Saħħa f’Shanghai kkonferma li nhar it-Tnejn li għadda ġew identifikati 13-il każ ġdid tal-coronavirus, biex issa t-total ta’ każijiet f’din il-belt laħħqu is-66. Minn dawn persuna tilfet ħajjitha filwaqt li tnejn oħra jinsabu f’qagħda kritika.