Portugiż ta’ 53 sena ġie arrestat hekk kif wasal fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li huwa nqabad iġorr madwar 11-il kilo droga fil-bagalja tiegħu, b’valur totali ta’ madwar €250,000.
Intqal li l-Pulizija flimkien ma’ uffiċjali tad-Dwana wettqu spezzjonijiet fuq passiġġieri li waslu f’titjira minn Sevilja fi Spanja għal ħabta tas-siegħa ta’ filgħodu tas-Sibt.
Wara li passiġġier qajjem suspett, saret tfittxija fil-bagalja tiegħu u nstabu diversi pakketti b’madwar 10 kilo sustanza suspettata ħaxixa tal-cannabis b’valur fit-triq ta’ kważi €100,000 u madwar kilo sustanza allegatament kokaina li ġġib valur ta’ €150,000.
Ir-raġel qed jinżamm arrestat mill-Pulizija għal aktar investigazzjonijiet.
Huwa se jitressaq il-Qorti għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ waranofsinhar quddiem il-Maġistrat Lara Lanfranco.