Dawk ta’ madwar Adrian Delia, li ngħataw il-poter li jieħdu ċerti deċiżjonijiet, diġà qed jaffaċċjaw it-tgergir ta’ numru ta’ deputati li qed jgħidu li fl-aħħar xhur qed iħossuhom li ġew imwarrba.
Fost dawn hemm Marthese Portelli, li minkejja li hi kelliema għat-Trasport, sa issa ftit li xejn ingħatat rwol ċentrali fil-Partit Nazzjonalista ta’ Adrian Delia u mkejjen fil-Grupp Parlamentari qalu li xejn mhi kuntenta li naqsulha l-opportunitajiet li tidher u titkellem f’isem il-Partit Nazzjonalista.
Fil-fatt jirriżulta li hi stess tkellmet dwar in-numru ta’ konferenzi tal-aħbarijiet li kienet tagħmel fil-leġiżlatura li għaddiet u dawk li qiegħda tagħmel issa.
Interessanti wkoll, qalu l-imkejjen tagħna fil-PN, hu r-rwol li qed tieħu Therese Comodini Cachia li lanqas biss kienet il-Parlament meta tressqet il-mozzjoni dwar l-Università Amerikana ta’ Malta (AUM), bis-sorsi tagħna fil-PN jgħidu li anke jekk kien hemm raġuni valida biex Comodini Cachia ma tkunx hemm normalment kienet tinstab data alternattiva bit-tama li l-kelliem ewlieni jkun jista’ jattendi wkoll għal suġġett li għandu x’jaqsam miegħu hu.
Comodini Cachia kienet nieqsa wkoll minn ċerti stediniet fuq in-NET marbuta mal-edukazzjoni, b’nies oħra fil-Partit Nazzjonalista, inkluż kandidati, jieħdu ċertu rwol ċentrali minflokha.
Fuq kollox qed jissemma ħafna Clyde Puli b’ċerti Deputati Parlamentari diġà qed jiddeskrivuh bħala “kollox hu.” Dan għaliex minn meta nħatar Segretarju Ġenerali, Clyde Puli qed jipprova jidher kemm jista’ jkun għax għalkemm ħa f’idejh ir-rwol importanti fil-Partit Nazzjonalista jrid jassigura li n-nies tad-distrett ma jinsewhx u wieħed mill-mod kif jagħmel dan hu li jidher kemm jista’ fuq il-midja. Mhuwiex qed jieħu gost b’dan Ryan Callus, li wkoll jitla’ mid-distrett ta’ Clyde Puli.
Biex dan l-uġigħ ta’ żaqq kollu jiżdied mal-problemi kollha li diġà jeżistu u li trid taffaċċja t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista. Bl-inkwiet wassal ukoll biex ingħalaq il-WhatsApp group ta’ Deputati Nazzjonalisti li minnu kienu jikkomunikaw.