Fil-kurituri ta’ media.link ħafna nnutaw kif Pierre Portelli ħa ħsieb li qabel jitlaq għalkollox mill-kariga ta’ Kap Eżekuttiv jerġa’ jdaħħal id-drama Fattigi. Din id-drama kienet ħolqot kunflitt u konfużjoni sħiħa fid-Dar Ċentrali għaliex ħafna kienu attakkaw lil Pierre Portelli b’kunflitt ta’ interess meta daħħalha fl-iskeda li għaddiet. Dan f’deċiżjoni li ħafna interpretawha bħala waħda biex taġevola l-kumpanija tiegħu u ta’ martu. Agħar minn hekk, fil-bidu kellu wkoll kunflitt ma’ Sandro Vella li kien l-awtur ta’ din id-drama. Kunflitt li kienet spiċċat daħlet fih mart il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Jirriżulta li meta ftit tal-ġimgħat ilu Portelli qal li kien qed jirriżenja minn Kap Eżekuttiv, ħareġ mill-ewwel ir-reklamar tad-drama. Dan bil-għan li ħadd ma jkun jista’ jneħħihielu.
Min-naħa l-oħra jidher li ma laħaqx għamel l-istess b’Purée u wara snin twal jidher fl-iskedi ta’ stazzjonijiet differenti, dan il-programm jista’ ma jkunx fl-iskeda ta’ Ottubru li ġej.
Hemm għajdut differenti dwar għaliex spiċċa barra fosthom li l-programm mhuwiex vijabbli u li l-istazzjon mhux lest iġorr it-telf ta’ dan il-programm li huwa l-baby ta’ Pierre Portelli. Fil-fatt, meta introduċieh fl-iskeda s-sena li għaddiet tgħidx kemm ta l-impressjoni li kien qed jagħmel xi pjaċir kbir lill-Partit Nazzjonalista u użah ukoll biex jipprova jiġbed ftit ġieħu f’nofs l-allegazzjonijiet tal-kunflitt ta’ interess.
Intant, jidher li Net Television se jkun qed jitlef produzzjonijiet oħra bil-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista jerġa’ jitkellem fl-aħħar jiem dwar kif ma jistgħux isibu tarf tal-istazzjon li baqa’
jitlef il-flus.