Frank Portelli, wieħed mill-kontestanti għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, qal li l-Partit Nazzjonalista kellu jaħtar kap interim sakemm jinħatar Kap Ġdid.
Skont Frank Portelli, Simon Busuttil ma kellux jibqa’ kap.
Portelli qal li li “kieku jiena tlift, kieku rriżenjajt mill-ewwel. Mhux nibqa’ hemm. Ngħidilkom jien irriżenjajt. Insib xi ħadd serju bħal Louis Galea, ngħidlu int oqgħod interim leader. Issa qed jgħaffeġ.”
Frank Portelli qal li l-Partit Nazzjonalista qed jagħmel il-praspar u saħansitra qal li dan jista’ jkun riżultat tal-fatt li t-telfa elettorali setgħet kienet kbira psikoloġikament għal Simon Busuttil.
Portelli qal li “hekk kif ħabbar l-elezzjoni jiena caretaker. Jekk jien Prim Ministru ta’ Malta ngħidilkom isma issa se ssir elezzjoni jien mhu se ngħamel xejn iktar. Mela allura jien qed nippretendi dan l-istandard mingħand il-partit tiegħi.”
Portelli rrefera għal mod kif bħalissa fil-Partit Nazzjonalista ma teżistix libertà tal-espressjoni. Dan mhux biss fil-konfront tiegħu.
“Libertà tal-espressjoni ovvjament ma teżistix. Bħalissa ma teżistix. Ilbieraħ ftit qabel ma’ ċanfru lili ċanfru lill-Imħallef Mizzi, bniedem rettissimu” qal Portelli.
Fuq kollox Portelli kellu kritika qawwija għall-istrateġija tal-Partit Nazzjonalista u reġa’ tenna li l-partit mill-ħażin sejjer għall-agħar.
“Issa qegħdin f’salib it-toroq. Inkomplu nimxu ‘l quddiem straight għal ġol-ħajt. Mhux huma sejrin straight għal ġol ħajt, aħna sejrin ġol ħajt. Kieku ssir elezzjoni issa, il-PN jitlef b’50k. Qas emmnuha se jerġħu jgħamluha u forsi l-ġimgħa d-dieħla tiġi ppubblikata.”