Pierre Portelli, l-eks direttur maniġerjali ta’ The Malta Indpendent, kellu diġa’ l-Partit Nazzjonalista f’moħħu meta qabel l-elezzjoni ġenerali kien qed jikteb regolarment dwar is-suppost whistleblower Russa li spiċċat parti integrali mill-kampanja tal-Partit Nazzjonalista.
Dan ammettieh Pierre Portelli nnifsu, anke jekk għal ħafna ftit li xejn kien hemm dubju.
Filwaqt li dak iż-żmien kien jipprova jilgħabha tal-ġurnalist indipendenti, mat-Times of Malta tal-Ħadd filgħodu qal li sa minn qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet kien diġa’ determinat li jidħol lura fil-Partit Nazzjonalista.
Portelli qal li qed jikkunsidra jikkontesta għall-elezzjoni ta’ segretarju ġenerali, iżda żied: “L-iktar importanti li jkolli rwol fil-Partit Nazzjonalista, xi ħaġa li ddeċidejt dwarha qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali.”
B’hekk Portelli nnifsu ammetta li f’mument fejn kien qed imur anke jagħmel konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Qorti b’rabta mal-gidba fuq il-Prim Ministru u familtu, kien diġa’ deċiż li jkun parti mill-Partit Nazzjonalista, li m’hemmx dubju riedu fil-gvern.
Ma’ Daphne Caruana Galizia, Portelli kien wieħed minn dawk li ta l-iktar spazju lir-Russa li spiċċat telqet mill-pajjiż biex ma tixhedx f’kawżi kontra tagħha.
Portelli huwa wieħed minn nies ta’ madwar Adrian Delia u biex imur fil-Partit Nazzjonalista qed jitlob paga li tlaħħaq kważi €90,000.
Imkejjen fil-partit qalu li dan hu maħsub li jkun €60,000 mill-partit tkun xi tkun il-kariga u €30,000 biex jgħin fir-riforma ta’ media.link.