Iż-żewġ blokok tal-iskola Sekondarja San Ġorg Preca fil-Ħamrun ser jingħaqdu permezz ta’ pont. Dan il-proġett qiegħed isir b’investiment ta’ madwar nofs miljun ewro u se jkun jista’ jintuża mis-sena skolastika.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada Neville Young spjega li l-ewwel fażi kienet tinkludi żarmar tal-ħitan tal-faċċata kif ukoll infurzar ta’ konkrit fil-partijiet ta’ fuq u isfel, li servew bħala saqaf u art rispettivament. It-tieni fażi tal-proġett tikkonsisti f’kostruzzjoni tal-mixja fl-ewwel sular.
Il-Kap tal-Iskola Dorianne Portanier Mifsud tenniet li dan il-proġett huwa wkoll investiment fl-użu tal-ħin tal-istudenti stess hekk kif qabel kien jirriżulta f’ħafna ħela ta’ ħin bejn lezzjoni u oħra.
“Il-fatt li ngħaqdu l-blokok permezz ta’ dan il-bridge illi qed naraw hawnhekk din il-problema għandha tissolva. Hija xi ħaġa tajba mhux biss għall-għalliema u l-istudenti imma anke għal nies oħrajn li jiffrekwentaw l-iskola. Inkunu qegħdin nakkomodaw ħafna nies aħjar għaliex fuq kollox aħna niġu hawnhekk biex kemm jista jkun naraw li qed nilħqu l-aħjar interess tal-istudenti tagħna,” saħqet is-Sinjura Portanier Mifsud.
Mifsud saħqet fuq l-importanza tad-dehra tal-iskola fejn tenniet li dan jista’ jkun ta’ motivazzjoni għall-istudent u għal mod kif iħares lejn l-iskola u l-ambjent ta’ madwarha. Fosthom l-element ta’ kulur fil-kurituri u klassijiet, tibdil tal-għamara, gym fuq barra u sitt laboratorji ġodda.
“Ridt nara kif ħa nagħmel biex l-iskola nagħmilha attraenti kemm jista jkun għaliex hawnhekk nagħmlu numru ta’ sigħat l-iskola u nemmen li kemm għal adulti u kemm għal istudenti tajjeb illi jaħdmu f’post illi jkun xieraq u attraenti kemm jista jkun,” hija kompliet tispjega.
Matul iż-żjara tiegħu fil-Liċeo, il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici tenna li minkejja l-pandemija il-ħidma xorta waħda ssoktat favur is-settur edukattiv.
“Filfatt irnexxielna illi s-sena skolastika li jmiss it-tfal jistgħu jagħmlu użu minn dan il-proġett li ser jara illi fl-aħħar dawn iż-żewġ blokok tal-Liċeo tal-Ħamrun ħa jiġu magħquda flimkien bis-saħħa ta’ dan il-pont magħmul bl-aħjar mod u għandu l-ispecifications kollha li jirrikjedi inġinerija fid-dinja tal-lum. Jiena kuntent immens b’dan ix-xogħol li sar għal ġid tal-istudent tagħna,” stqarr il-Ministru Bonnici.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada Neville Young spjega li l-ewwel fażi kienet tinkludi żarmar tal-ħitan tal-faċċata kif ukoll infurzar ta’ konkrit fil-partijiet ta’ fuq u isfel, li servew bħala saqaf u art rispettivament. It-tieni fażi tal-proġett tikkonsisti f’kostruzzjoni tal-mixja fl-ewwel sular.
Il-Kap tal-Iskola Dorianne Portanier Mifsud tenniet dan il-proġett huwa wkoll investiment fl-użu tal-ħin tal-istudenti stess hekk kif qabel kien jirriżulta f’ħafna ħela ta’ ħin bejn lezzjoni u oħra.