B’investiment ta’ miljun u sitt mitt elf ewro, pont ġdid se jgħaqqad mill-ġdid l-akkwati ta’ Kordin mal-komunità ta’ Raħal Ġdid. Il-Prim Ministru Robert Abela fetaħ b’mod uffiċjali dan il-pont u stqarr li dan huwa proġett li ser jibdel u jissalvagwardja ħajjet in-nies. Stqarr li hija prijorità ta’ dan il-Gvern li jkollna toroq iktar siguri għal kulħadd. Dan hekk kif dan il-pont qed joffri issa rotta sigura. Innota kif dan il-proġett juri l-impenn li jkun hemm trasformazzjoni radikali fil-mod ta’ kif dan il-Gvern qed iħares lejn is-sistema tat-trasport tagħna.
Filwaqt li nnota kif anke waqt it-tnedija, bosta studenti u anzjani kienu diġà bdew jagħmlu użu mill-pont, huwa spjega kif dan il-proġett huwa evidenza ċara li l-Gvern għandu idejh fuq il-polz tan-nies u qed jindirizza l-bżonnijiet tagħhom.
“Nifhmu x’inhuma l-bżonnijiet tan-nies, il-bżonn ta’ dak l-anzjan illi qasam minn dak il-pont u ma kellux jaqsam ġot-triq jew ma kellux idur dawra sħiħa. Dak għalih ifisser differenza kbira fil-ħajja tiegħu. Ma nistgħux ngħidu aħna dik hija xi ħaġa ċkejkna u nistgħu ngħaddu mingħajrha. Le iċ-ċkejken ifisser għal ħafna nies differenza enormi fil-ħajja. U għaldaqstant iva dik tibqa’ il-viżjoni ta’ dan il-Gvern illi nibqgħu nirreaġixxu għall-bżonnijiet tan-nies, nibqgħu inkunu sensittivi u bil-ħidma tagħna ta’ kuljum intejbu l-kwalitá tal-ħajja tan-nies.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastruttura Malta, Frederick Azzopardi spjega kif dan il-pont, ta’ kuljum ser jibda jintuża b’mod speċjali mill-istudenti tal-MCAST. Dan hekk kif dan il-pont issa jwassal għall-ġnien rinovat ta’ Ġnien il-Mediterran.
“Issa l-istudenti ser ikunu qiegħdin jaqsmu b’mod aktar sigur imma anke ser ikollhom iktar aċċess faċli issa għal ġnien il-Mediterran, ġnien importanti, ġnien kbir, li anke l-istudenti forsi anke waqt il-break tagħhom, jistgħu jiġu wkoll b’mod iktar faċli u b’mod iktar sigur.”
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u Proġetti Kapitali, Ian Borg spjega kif dan kien wieħed minn kullana ta’ proġetti li huma importanti għall-bidla fil-kultura. Dan hekk kif jinċentivaw lin-nies sabiex ma jużawx il-karozza tagħhom u jimxu distanzi qosra. Innota kif dan il-pont ġie inawgurat wara ieħor biswit il-kampus tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi, l-ITS f’Ħal Luqa u ieħor fi Blata l-Bajda.
Stqarr kif permezz tagħhom qed jinħolqu kuriduri siguri għall-istudenti u dawk kollha li jiffrekwentaw l-akkwati.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi spjega kif dan il-proġett huwa ko-finanzjat minn fondi ewropej.
Saħaq li dawn il-fondi qed jintużaw fi proċess li qed ibiddel it-tip ta’ trasport użat b’mod frekwenti, speċjalment bit-tisħiħ tal-infrastruttura pedonali.