Is-Segretarju tal-Istat għall-Istati Uniti Mike Pompeo kellu kliem ta’ tifħir għall-Gvern Daniż minkejja t-tensjoni li ġab b’idejh il-President tiegħu mal-pajjiż wara li qal li jrid jixtri Greenland, gżira ġeografikament kruċjali u magħrufa għall-minerali naturali li tħaddan, li taqa’ fit-territorju Daniż.
Wara li l-Gvern ċaħadlu x-xewqa, il-President Amerikan ikkancella żjara fid-Danimarka, iżda Pompeo issa ħareġ jgħid li l-Gvern Daniż qed jikkopera mal-Istati Uniti, tant li kien għadu kif kellu diskussjoni kostruttiva mal-Prim Ministru tal-pajjiż.
Fl-aħħar jiem il-midja internazzjonali rrapportat kif il-Gvern u l-pubbliku tad-Danimarka qalu li x-xewqa ta’ Trump li jixtri Greenland hija waħda assurda, iżda kienu sorpriżi u anke ddiżappuntati li ħassar żjara uffiċjali sempliċiment għaliex ma ħax dak li ried.