Team Alliance rebħu l-Cawnpore Cup meta f’logħba ferm kumbattuta għelbu lil Veuve Cliquot 9-6. Dan kien wieħed mill-akbar avvenimenti tas-sena organizzat mill-Malta Polo Club b’kollaborazzjoni ma’ EquestriMalta u li għalaq ukoll staġun ferm impenjattiv.
Għal Team Alliance spikkaw Greg Gera u Matthew Borg li skorjaw tliet gowls kull wieħed b’Martin Arrigo jiskorja doppjetta u b’Matthew Grech li għaqqad l-iskor għat-tim tiegħu.
Veuve Cliquot baqgħu dejjem fil-logħba b’Karl Galea li skorja erba’ gowls filwaqt li Jeremy Besancon u Jean Vella li niżżlu isimhom fost l-iskorers.
Team Alliance kien jikkonsisti f’Matthew Grech, Matthew Borg, Greg Gera u Martin Arrigo filwaqt li Team Veuve Cliquot kellhom lil Jean Vella, Karl Galea, Julian Mamo u Jeremy Besancon.
Intlagħbet ukoll in-Novice Cup fejn kienu Team Finestral li għelbu lil Schweppes ħames punti u nofs għal erbgħa.
Team Finestral bdew b’vantaġġ ta’ punt u nofs bil-plejer żagħżugħ Bradlee Farrugia li skorja erba’ gowls u b’Simon Psaila li kien awtur ta’ doppjetta.
Chris Delia skorja tripletta għal Team Schweppes.
Umpires għal dawn iż-żewġ logħbiet kienu Chris Wightman u Nano Iturrioz.
Fi tmiem l-attivita’ kien hemm il-preżentazzjonijiet tat-trofej mill-aġent president ta’ Malta Dr Francis Zammit Dimech fil-preżenza tal-kap eżekuttiv ta’ EquestriMalta Max Zammit, iċ-Chairman ta’ EquestriMalta John Huber flimkien ma’ l-ogħla uffiċjali tal-Malta Polo Club.
Din l-attivita’ kienet ukoll karatterizzata minn attivitajiet ta’ divertiment li ġab attendenza sabiħa ta’ 3000 ruħ lejn il-Malta Equidrome.