Stqarrija riċenti li għamlet il-Kummisjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) qajmet ħafna agħa fost il-pubbliku ġenerali. Dan minħabba li kienet tgħid li f’każ ta’ rappreżentanza ta’ inqas minn 30% ta’ kandidati nisa għall-elezzjoni li jmiss, persentaġġ li jiżdied għal 50% fis-snin li ġejjin, il-lista għandha tiġi mwarrba mill-Kummisjoni Elettorali.
Fl-aħħar poll staqsejna lilkom il-qarrejja jekk jaqblux li jkun hemm kwota għall-kandidati nisa fl-elezzjoni. Il-maġġor parti qalu li ma jaqblux. L-għażla għall-qarrejja kienet tinkludi “le” jew “iva”, bit-total ta’ persuni li vvutaw ikun dak ta’ 624 vot.
Ir-riżultat tal-poll wera li 77% tal-votanti, jiġifieri 478 vot, ma jaqblux li jkun hemm kwota għall-kandidati nisa fl-elezzjonijiet, filwaqt li 23% tal-votanti, jiġifieri 146 vot, qalu li iva, jaqblu.
L-NCPE kienet ressqet proposta biex tiddaħħal sistema li biha s-soċjetà Maltija tagħmel ħilitha biex ikolla rappreżentazzjoni bbilanċjata fil-politika. Il-Kummissjoni kienet qalet li s-sistema għandha tiddaħħal tul numru ta’ snin, sakemm jintlaħaq persentaġġ ta’ 50% rappreżenti nisa u 50% rappreżenti irġiel.
Politiċi miż-żewġ naħat tal-isfera politika kienu diskutew il-ħtieġa ta’ rappreżentanza femminili fil-politika, filwaqt li donnhom it-tnejn qablu li din għandha ssir billi l-ewwel jiġi rrispettat il-fatt li l-proċess elettorali hu wieħed demokratiku.
Ħaġa oħra li l-politiċi qalu kien li għandha tinħoloq struttura li tħeġġeġ lin-nisa jgħażlu t-triq tal-politika, triq li mhix faċli kemm għal irġiel li għandhom familja u kif ukoll għal nisa li għandhom familja.
Bħalissa l-mistoqsija hija jekk taħsibx li t-Turkija għandhiex tidħold fl-Unjoni Ewropea jew le. Tista’ tivvota billi tinżel ‘l isfel fil-paġna prinċipali ta’ dan is-sit u tagħmel l-għażla tiegħek.