Id-dikjarazzjonijiet ta’ Bernard Grech dwar temi sensittivi u ta’ importanza nazzjonali huma xhieda ta’ politiku cheap li, minflok tassew jemmen fl-istituzzjonijiet, iħares lejhom biss bħala għodda li jistgħu jintużaw fit-taqbida tiegħu biex hu, u dawk li poġġewh Kap, jiksbu l-poter. Qal dan fi stqarrija l-Partit Laburista. Il-Partit Laburista qal li l-Kap Nazzjonalista issa jrid jikkunsidra maħfra lill-allegat mandant wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Qal kif irid jagħti wkoll maħfra fiż-żgur lill-kriminal li ammetta akkużi ta’ qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u diġà weħel 15-il ħabs fuqhom. Fiż-żewġ każijiet Grech qed jaqbad u jfajjar bl-addoċċ mingħajr ma jaf ebda dettalji.
Il-PL qal kif Bernard Grech huwa Kap immatur li ma jafx xi tfisser li tieħu deċiżjoni daqstant importanti għall-pajjiż. B’kuntrast, il-Prim Ministru jimxi mal-istituzzjonijiet u jieħu deċiżjonijiet studjati fl-interess nazzjonali biex issir ġustizzja.
Spjega kif il-Maltin jafu li l-istituzzjonijiet qed jaħdmu b’indipendenza u f’serenità bla ma jħarsu lejn wiċċ ħadd u l-Gvern se jibqa’ jinvesti fihom u jappoġjahom biex titwettaq ġustizzja f’kull każ u li l-Maltin jafu wkoll li Bernard Grech m’għandu ebda kredibbiltà għaliex baqa’ joħroġ għonqu għal dawk madwaru li l-korrettezza fil-politika ma jafux x’inhi.
L-istqarrija temmet tgħid li l-Partit Nazzjonalista ma tgħallem xejn mill-passat tiegħu, il-PL qal kif Bernard Grech is not fit for purpose.