Politika ta’ one-size-fits-all fit-tassazzjoni fl-istati membri tal-UE ma tista’ qatt tiżgura l-ugwaljanza bejn is-sessi għax il-politika ta’ tassazzjoni trid taqbel mal-istrutturi soċjali u familjari ta’ kull stat membru tal-UE. Dan qalu Alfred Sant fil-Parlament Ewropew f’intervent dwar ir-rapport ‘Ugwaljanza bejn is-sessi u l-politika ta’ tassazzjoni fl-UE’. Sant saħaq li l-politika ta’ tassazzjoni għandha tibqa’ prerogattiva tal-Istati Membri tal-UE.
L-Ewroparlamentari vvota favur dan ir-rapport li jippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi iżda esprima r-riżervi tiegħu fuq il-fatt li l-istess rapport jissuġġerixxi ċertu miżuri li jimminaw is-sovranita` tal-istati membri fuq it-tassazzjoni.
“Ivvotajt favur dan ir-rapport għax iħaddan pożizzjoni soċjali progressiva, minkejja li ma naqbilx ma’ numru ta’ punti fuq it-taxxa. Il-politika tat-tassazzjoni tista’ tkun għodda importanti li tintuża għal ekwita` soċjali u konsegwentement biex tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn is-sessi. Tista’ taqdi rwol importanti għad-drittijiet taċ-ċittadini u fit-tnaqqis tal-faqar, billi tinkoraġġixxi l-impjieg għan-nisa u l-indipendenza ekonomika tagħhom.”
Ir-rapport jindirizza wkoll il-kwistjoni tad-differenza fil-pagi bejn is-sessi. Id-diskriminazzjoni sfaċċata fil-pagi, filwaqt li kienet illegali, kompliet tikkontribwixxi għal differenza tal-pagi bejn is-sessi fl-2019 fl-UE.
“It-tmiem ta’ dan l-aġir diskriminatorju huwa l-qofol tal-ġlieda għall-ġustizzja soċjali. Kull Stat Membru għandu madankollu jibqa’ liberu li jintroduċi riformi tas-sistemi ta’ tassazzjoni tiegħu li jirriflettu l-bżonnijiet nazzjonali tiegħu, filwaqt li jħares il-benefiċċji finanzjarji u benefiċċji oħra marbuta mal-ġenituri.”
Alfred Sant ma qabilx mar-riferenza għall-Common Consolidated Corporate Tax Base (CCCTB) fir-rapport ippreżentat lill-Parlament Ewropew. Is-CCCTB hija favur sett komuni ta’ regoli għall-kalkolu tad-dħul taxxabbli u l-konsolidazzjoni tal-bażi tat-taxxa madwar l-Istati Membri tal-UE.
“Ir-riferenza għas-CCCTB hija irrilevanti għall-ugwaljanza bejn is-sessi, għax jitratta persuni fil-qasam legali u mhux individwi.” saħaq l-Ewroparlamentari Malti.
Ir-rapport għadda b’313 voti favur, 276 kontra u 88 astenzjoni.