Fi żjara f’erba’ intrapriżi żgħar u medji fil-Mosta Technopark fejn iltaqa’ ma’ bosta ħaddiema, il-Prim Ministru Robert Abela fisser il-ħidma tal-Gvern favur min joħloq ix-xogħol u l-ħaddiem bħala waħda importanti biex tissarraf f’ġid għal kulħadd.
Akkumpanjat mill-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri u l-Kap Eżekuttiv ta’ INDIS Malta Jean Pierre Attard, il-Prim Ministru beda ż-żjara tiegħu fil-kumpanija Memo International, speċjalizzata fis-sistemi elettroniċi ta’ sigurtà għall-industrija tal-ġojjellerija, fejn iltaqa’ mal-ħaddiema u l-amministrazzjoni. Huwa kompla bi żjarat f’Microtek Medical Malta, kumpanija b’rikonoxximent internazzjonali fil-manifattura ta’ prodotti mediċi. It-tielet żjara kienet għand MostaTech, kumpanija lokali li timmanifattura sensors ta’ preċiżjoni għas-settur tal-ajru. L-aħħar żjara kienet għand il-kumpanija lokali b’fama internazzjonali Stargate Studios, studjo magħruf għax-xogħol tiegħu fuq produzzjonijiet internazzjonali bħal The Walking Dead u Black Mirror.

F’kull żjara, il-Prim Ministru nnota b’sodisfazzjon l-impenn ta’ dawn l-SMEs biex joħolqu impjiegi ta’ kwalità u jkomplu jsaħħu l-ekonomija Maltija. F’dan il-kuntest, huwa rrimarka l-appoġġ kontinwu tal-Gvern lejn l-intrapriża privata permezz ta’ miżuri bħal skemi ta’ għajnuna għall-SMEs u investimenti fl-infrastruttura industrijali. Dan filwaqt li l-ħaddiema qed igawdu mill-akbar tnaqqis fit-taxxa fl-istorja.
Il-Prim Ministru faħħar ukoll l-isforzi tal-kumpaniji li jżommu livell għoli ta’ innovazzjoni u investiment fir-riċerka, kif ukoll l-impenn tagħhom lejn impjiegi ta’ kwalità u l-esportazzjoni ta’ prodotti u servizzi Maltin madwar id-dinja. Qal li quddiem qalbiet diġitali u ambjentali b’miri strateġiċi anki bħala parti mill-Viżjoni Malta 2050, dawn il-bidliet se jseħħu bit-tisħiħ tal-politika tal-inċentiv. Dan biex inkomplu nimbuttaw lejn l-innovazzjoni u tkabbir ta’ kwalità fost l-intrapriżi żgħar u medji, li huma s-sinsla tal-ekonomija Maltija.
“Hekk kif din il-ġimgħa ser inkunu qed niċċelebraw il-ħaddiem, infakkru l-impenn tal-Gvern li jibqa’ jagħmel politika favur ix-xogħol u tkabbir ekonomiku ta’ kwalità. Dan flimkien ma’ ħidma favur soċjetà aktar ġusta li tagħti ċ-ċans lil kulħadd biex jirnexxi”, temm jgħid il-Prim Ministru Robert Abela.
Il-Prim Ministru temm din iż-żjara b’laqgħa mal-ħaddiema u t-tmexxija ta’ INDIS Malta ġewwa l-uffiċini tagħhom fil-Mosta Technopark. Hawn innota l-importanza ta’ INDIS Malta biex tgħin intrapriżi jikbru u jsarrfu l-fiduċja f’pajjiżna f’ġid ekonomiku li jgawdi minnu l-pajjiżi u l-familji Maltin u Għawdxin.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Silvio Schembri stqarr, “L-erba’ kumpaniji li żorna llum huma xhieda ta’ ekonomija diversifikata u innovattiva. Għalkemm pajjiż żgħir mingħajr riżorsi naturali, għandna riżorsa kbira, ir-riżorsa umana, il-ħaddiema. Rajna ħaddiema f’diversi livelli jaħdmu fuq prodotti innovattivi. U għax nemmnu f’dan il-potenzjal kbir li għandu pajjiżna, ħdimna fuq viżjoni li se twassal lil pajjiżna għal 25 sena li ġejjin. Viżjoni msejsa fuq prinċipju bażiku li jkollna kwalità ta’ ħajja b’saħħitha”.