Matul dawn l-ahhar ġimgħat, b’mod speċjali f’dawn l-aħħar ġranet, Salvu Mallia ħa r-riedni tal-istrateġija tal-PN f’idejh. Mallia biss qed jissemma fuq il-ġurnali politiċi u anki fuq fomm in-nies (mhux neċessarjament b’mod pożittiv!). Prattikament Mallia sar il-wiċċ ġdid tal-PN.
Simon Busuttil ftit li xejn qed jidher, għajr għal-laqgħa tradizzjonali ta’ nhar ta’ Ħadd mal-partitarji ġewwa xi każin. Uhud min-nazzjonalisti ma jiddejqux li l-kap tagħhom jibqa’ kwiet, propju ħalli jevita milli jgħid xi ħmerija meta jitkellem. Iżda apparti dan, is-silenzju ta’ Simon Busuttil qed jinkiser b’qawwa mid-diskors u l-mutetti ta’ Salvu Mallia, iva, l-istar candidate tal-PN. S’issa jidher li dan l-aġir ta’ Salvu għandu l-barka u l-approvazzjoni ta’ Busuttil. Kuntent hu, kuntent kulħadd.
Madanakollu s-silenzju ta’ Busuttil, dwar dak li qed jgħamel Mallia, itarrax. Qed jintbgħat sinjal li Busuttil huwa dgħajjef u huwa miżmum ostaġġ ta’ Mallia. Jidher biċ-ċar li l-atitudni ta’ Mallia, u anki l-argument tiegħu, mhux qed jinżlu tajjeb mad-deputati, kandidati u saħansitra partitarji Nazzjonalisti.
Fattur ieħor inkwetanti huwa l-istatement li qal Busuttil nhar il-Ħadd li għadda – fejn qal li l-koalizzjoni tiegħu hija miftuħa għal nies li huma kontra Joseph Musċat. Statement perikoluż ħafna u mhux dehen ta’ Kap tal-Oppożizzjoni!
Din hija l-politika l-ġdida li qed joffri l-PN? Fuq dan l-argument huwa bbażat l-islogan ‘nirnexxu lkoll flimkien’?
L-alternattiva li qed joffri l-PN hija politika mibnija fuq il-mibgħeda u t-tpattija, politika li ma fiha l-ebda sustanza u li ma toffri l-ebda prosperità għal pajjiżna. Il-politika tal-PN mhiex immirata biex tindirizza lin-nies, iżda hija mibnija fl-arja b’argumenti u kliem fieraħ li meta tgħasru ma joħroġ xejn ta’ sustanza. Politika li topponi dak kollu li jgħid il-gvern akkost ta’ kollox, u tivvinta hrafa jew iddaħħal id-dubji f’dak li qed jiġi ppreżentat jew implimentat.
Ta’ min isemmi wkoll, u jikkundanna, t-tattika moqżieża t’attakki personali lejn individwi ta’ twemmin laburista, u/jew dawk kollha li qed jgħinu lill-gvern fil-ħidma tiegħu, għall-ġid tagħna ċ-ċittadin. Tattiċi malinni li jkissru lill-individwu u lill-familjari. Sfortunatament, din hija l-politika li qed joffru Busuttil u sħabu.
Hija ħasra għal pajjiżna li l-oppożizzjoni spiċċat f’dan il-livell baxx ta’ politika, f’dan il-livell ta’ disprament. Il-PN mhu qed joffri l-ebda alternattiva ġdida għall-pajjiż, filwaqt li għadu mifni b’kunflitti interni u strutturi dgħajfa. L-overshadowing ta’ Simon Busuttil minn Salvu Mallia tkompli tikkonferma kemm it-tmexxija tal-PN hija dgħajfa.