Il-Partit Laburista, fl-aħħar stqarrija għall-istampa li ħareġ stqarr li l-Gvern implimenta u qed jimplimenta politika kontra l-immigrazzjoni rregolari li fiċ-ċentru tagħha għandha l-ġlieda kontra t-traffikanti tal-bnedmin, tiffoka fuq ir-ritorn ta’ min mhux refuġjat, filwaqt li dan wassal għal tnaqqis ta’ 93% fil-wasliet.
Din il-politika bbażata fuq il-prevenzjoni, ir-ritorn u r-rilokazzjoni hija l-ikbar arma kontra min irid jisfrutta l-bnedmin u huwa għalhekk li l-Partit Laburista jappoġġja l-pożizzjoni tal-Gvern fis-settur u r-riżultati jitkellmu waħedhom.
Fl-aħħar snin il-politika tal-Gvern wasslet għal tnaqqis ta’ 93% fil-wasliet, u dan is-suċċess inkiseb proprju għaliex ma ttieħdux il-pariri tal-Partit Nazzjonalista li mhux biss m’appoġjax lill-Gvern fil-ħidma tiegħu, imma saħansitra ried jitfa’ lis-suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta il-ħabs b’kawżi l-Qorti u inkjesti maġisterjali.
Politika ġusta tal-immigrazzjoni tibqa’ iebsa ma’ min jabbuża u ħanina ma’ min tassew ħaqqu u l-Gvern Laburista hekk ħadem u hekk se kompli jaħdem. Kull fejn kien meħtieġ jiġu salvati l-ħajjiet hekk sar u hekk għandu jibqa’ jsir.
F’din il-ħidma l-Gvern ikkopera ma’ pajjiżi oħra, inkluż dawk li jservu bħala pajjiżi ta’ tranżitu, u kien b’dan il-mod li ġġieled bl-iktar mod b’saħħtu lil min jipperikola l-eluf ta’ ħajjiet għall-gwadann u l-attività kriminali tiegħu. Min jiffaċilita l-immigrazzjoni rregolari jkun qed jagħmel pjaċir lill-istess traffikanti, u l-pożizzjonijiet tal-Partit Nazzjonalista hekk jagħmlu.
Fuq kollox il-Prim Ministru Robert Abela, b’mod konsistenti, dejjem saħaq illi filwaqt li l-ġestjoni tal-fruntieri hija miżura importanti, hemm bżonn ta’ inizjattivi oħra.
Dan jinkludi appoġġ finanzjarju lill-pajjiżi ta’ oriġini biex jiżviluppaw u joħolqu opportunitajiet ekonomiċi iżda dan irid isir b’mod kollaborattiv biex jiġi żgurat benefiċċju reċiproku.
Fuq kollox hija ħasra li l-Partit Nazzjonalista qed jerġa’ jippolitiċizza l-kwistjoni tal-immigrazzjoni irregolari, minflok jappoġġja lill-Gvern u jieħu gost bir-riżultati tajbin li nkisbu fl-aħħar snin u li nistgħu nibnu fuqhom anke biex min vera jkun ħaqqu protezzjoni nkunu nistgħu nagħtuwilu bl-aqwa mod.