Il-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech m’għandu l-ebda pjan għall-pajjiż u biex isalva ġildu l-Kap tal-Oppożizzjoni qed jieħu l-politika f’livell baxx.
Dan kien il-messaġġ ewlieni waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Laburista, indirizzata mid-deputati Randolph De Battista u Glenn Bedingfield, u li fiha sart referenza għad-denunzja li fetaħ il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech kontra l-Prim Ministru Robert Abela.
Id-deputat Randolph De Battista nnota li l-Kap Nazzjonalista lest jivvinta minn kollox biex jibqa’ fis-siġġu tal-poter għax dejjem qed isir irrelevanti.
“Wara d-disfatta illi suppost kellu fis-suppost protesta nazzjonali, illi ma kinitx wisq iktar kbira minn coffee morning, Bernard Grech iddeċieda li jmur id-Depot u jagħmel denunzja kontra l-Prim Ministru Robert Abela, għax hekk iddeċieda. Biex forsi xi ħadd jagħti kasu, Bernard Grech iddeċieda illi l-Prim Ministru għandu jiġi investigat. Din mhi xejn għajr strateġija ta’ politiku cheap, illi jaf li qed isir irrelevanti.”
Sostna li Grech messu jgħid lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestiga lilu stess għax, ‘on record’ Grech innifsu qal li jrid jagħti l-maħfra Presidenzjali lill-allegat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Messu jistaqsi lill-Kummissarju fiex waslet l-investigazzjoni li saret fuq Adrian Delia wara li l-establishment xlih li xxaħħam minn Yorgen Fenech, jew anki dwar kif għamel żmien twil bħala tax evader, fost oħrajn.
Min-naħa tiegħu, id-deputat Laburista Glenn Bedingfield qal li Bernard Grech huwa politiku cheap u ipokrita, waqt li m’għandu l-ebda pjan għal pajjiżna. Dan hekk kif il-Partit Nazzjonalista ma jħaddanx politika tal-ideat, iżda politika tal-estremiżmu.
Huwa qal li l-Kap Nazzjonalista għandu inkompetenza politika, li qed jipprova jaħbiha b’azzjonijiet li jwaqqgħu l-politika f’livell baxx u semma li l-Partit Nazzjonalista għadu jitmexxa minn grupp żgħir ta’ estremisti.
Fakkar li, fl-eqqel tal-pandemija u fl-eqqel ta’ kriżi tal-immigrazzjoni, il-Partit Nazzjonalista kien mar jagħmel kwerela biex il-Prim Ministru u s-suldati tal-Forzi Armati jintbagħtu l-ħabs, għax iridu joħolqu instabbilta.
“Dan l-atteġġjament, din ix-xenata, qed isdir mill-Kap tal-Oppożizzjoni għax ma jaħmlux li x-xogħol baqa’ għaddej b’saħħtu. Il-Partit Nazzjonalista ma jaħmilx li pajjiżna qiegħed jagħmel rekord fit-turiżmu, il-Partit Nazzjonalista ma jaħmilx li għandna ekonomija b’saħħitha, il-Partit Nazzjonalista jrid jipprova joħloq instabilità u dik l-instabilità aħna m’aħniex se nħalluhom joħolquha.”
Id-deputati de Battista u Bedingfield sostnew li, għall-kuntrarju tal-Partit Nazzjonalista, il-Partit Laburista, taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela, se jressaq ‘il quddiem riformi li huma meħtieġa għall-familji Maltin u Għawdxin.