The Eco-Warrior, u politiku li twettaq, dawn it-titlu u l-klassifikazzjoni mogħtija lill-Membru Parlamentari Ewropew Maltija Miriam Dalli mis-sit awtorevoli Politico.
Fil-fatt Dalli tinsab f’lista ta’ 28 persuna: “doers, dreamers and disruptors” – nies li b’ħidmiethom mistennija jinfluwenzaw l-Ewropa tul is-sena d-dieħla. U filwaqt li hija l-uniku membru parlamentari ewropew fil-lista, hija wkoll l-ewwel politiku Malti li ngħatat dan ir-rikonoxximent, fejn ġiet ikklassifikata bħala ‘doer’ jew aħjar persuna li twettaq.
B’referenza għan-negozjati dwar il-liġi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet mill-karozzi, Politico faħħru lil Miriam Dalli għal mod strateġiku ta’ kif ġabet alleanzi fost il-gruppi differenti tal-Parlament Ewropew biex għelbet il-forzi fost il-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew u lobbying b’saħħtu min-naħa tal-industrija tal-karozzi Ġermaniża.
Dr Dalli, li għanda 42 sena, tenniet li trid bidla serja fl-industrija tal-karozzi fl-Ewropa. Qalet li se tkompli taħdem favur liġijiet b’saħħithom li jwasslu għal benefiċċji ambjentali, ta’ saħħa, favur il-konsumatur, u l-ekonomija.
Ma’ ONE News, Miriam Dalli tenniet li hi sodisfatta u kuntenta li pubblikazzjoni bħalma hi Polico bħala waħda minn disa’ persuni li jwettqu u li se jagħmlu d-differenza matul is-sena d-dieħla:
“Huwa sodisfazzjon personali, imma nħoss li hu iktar minn hekk. Sodisfazzjon anke għal pajjiżna, għax f’dawn l-4 snin ħdimt biex naċċerta ruħi li inżomm b’mod pożittiv isem pajjiżna, u ngħolli ’l fuq isem Malta. Minkejja li aħna gżira żgħira, ċertament nistgħu nagħmlu ħafna u ħafna ħidma li tagħmel bidla pożittiva.”