L-Ewroparlamentari Miriam Dalli hija fost 40 persuna li skont il-pubblikazzjoni influwenti Politico għamlu d-differenza tul dawn l-aħħar ħames snin. Miriam Dalli hija l-unika Maltija li tinsab f’din il-lista, grazzi għall-abbiltà tagħha li tibni alleanzi biex twassal għal politika b’saħħitha f’oqsma differenti.
Politico semmew il-ħidma ta’ Dr Dalli fl-oqsma bħall-klima, ambjent u migrazzjoni, fejn għaddiet ligijiet minkejja l-oġġezzjonijiet ta’ forzi konservattivi u lobbies b’saħħithom. F’Diċembru li għadda, Miriam Dalli ġiet ukoll meqjusa minn Politico bħalha politiku li se tkun qed tinfluwenza l-politika Ewropeja tul l-2019.
“Nemmen li dan huwa messaġġ ċar li nistgħu nagħmlu d-differenza, ġejjin minn fejn ġejjin meta jkollna l-perseverenza u d-determinazzjoni li nagħmlu bidla pożittiva,” qalet Miriam Dalli, b’reazzjoni għal dan ir-riżultat.
“F’dawn il-ħames snin ħdimt biex inwettaq dak li nemmen fih. Kien hemm negozjati diffiċli iżda ħdimt biex ngħaqqad flimkien pożizzjonijiet differenti – gruppi politiċi, industrija u stakeholders. Għamilt dan għax nemmen fil-bidla li rridu nġibu għaċ-ċittadini tagħna… għal uliedna.”
Żiedet li, “jekk l-elettorat jafdali l-fiduċja jien se naħdem bl-istess grinta u determinazzjoni biex Malta tkompli miexja għal livell li jmiss fil-kwalità tal-ħajja u xogħol.”
Miriam Dalli ġiet eletta għall-ewwel darba fl-2014 f’isem il-Partit Laburista. Hi ġiet identifikata fost total ta’ 751 Membru Parlamentari Ewropew. Id-39 persuna oħra ġejjin minn 18-il pajjiż differenti u tinkludi persuni li llum il-ġurnata għandhom rwoli importanti f’pajjiżhom.
Tul dawn il-ħames snin, Dr Dalli ffukat il-ħidma tagħha fuq leġiżlazzjonijiet li jistgħu jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies, mhux biss ċittadini Ewropej imma wkoll fil-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.
B’mod aktar speċifiku, permezz tal-ħidma tagħha biex jitnaqqas it-tniġġis mill-karozzi, Miriam Dalli rat opportunità biex fiha tindirizza l-ambjent, it-tibdil fil-klima, is-saħħa respiratorja, l-innovazzjoni fil-manifattura, opportunitajiet ta’ xogħol u vantaġġi għal konsumaturi. Din il-liġi se tiġi ffirmata l-ġimgħa d-dieħla fi Strasburgu.
Fil-qasam tal-immigrazzjoni, hija ħadmet fuq liġi li tirregola fond ta’ €10.4 biljun u li se jagħmlu użu minnu l-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Miriam Dalli mbuttat biex bħala wieħed mill-prijoritajiet, din il-fond jindirizza s-solidarjetà bil-fatti. Solidarjetà li biha pajjiżi fuq il-fruntiera bħal Malta, l-Italja, Greċja u Spanja ma jitħallewx waħedhom. Din il-proposta leġislattiva ġiet approvata mill-Parlament Ewropew u n-negozjati mal-pajjiżi huma mistennija jiskattaw fil-Ħarifa.