“Roberta Metsola waqgħet fil-muta”. Hekk irrapporta l-ġurnal influwenti Politico b’rabta maż-żjara li għamlet il-President tal-Parlament Ewropew u Ewroparlamentari Nazzjonalista ftit tal-ġranet ilu f’Iżrael u r-ritratt li tellgħet tagħha fuq il-fruntiera ta’ Gaza.
Waqt li mexxejja dinjin kienu fl-Eġittu, għaddejjin b’tentattivi biex jerġa’ jidħol fis-seħħ il-waqfien mill-ġlied u l-ħelsien ta’ ostaġġi bejn Iżrael u l-grupp Islamiku Hamas, Roberta Metsola marret Iżrael.
Iż-żjara tagħha ngħatat prominenza enormi minn sezzjonijiet tal-midja lokali, permezz ta’ artikli, li wħud ukoll kienu mħallsin mill-Parlament Ewropew, li tiegħu Metsola hi l-President.
Wara din iż-żjara, iżda, il-ġurnal influwenti Politico pprova jieħu kumment mingħand l-istess Metsola dwar x’taħseb li għandu jkun il-futur ta’ Gaza, anke fl-isfond tad-dikjarazzjonijiet ta’ Donald Trump. Iżda, flok kienet ċara u rrispondiet b’mod dirett, l-uffiċċju ta’ Metsola qal li jinsab iffokat fuq waqfien mill-ġlied, li Iżrael ikun sigur u li l-Palestinjani u l-Iżraeliti jgħixu flimkien fil-paċi.

Din ir-risposta xejn ma impressjonat lill-Politico, tant li rrapporta dwar dan taħt it-titlu “Metsola fil-muta”.
Dwar il-konflitt bejn Iżrael u l-Palestina, Metsola tibqa’ mfakkra għaż-żjara li kienet għamlet wara l-attakk tal-Hamas fl-aħħar tal-2023 biex tat appoġġ sħiħ lil Iżrael, bil-konsegwenza li, imbagħad, Iżrael attakka u qered kważi għal kollox il-Medda ta’ Gaza.
Metsola kienet laqqtet kritika kbira għal dik iż-żjara.
Minbarra hekk, analisti politiċi jisħqu li ħafna miż-żjarat ta’ Metsola f’pajjiżi madwar id-dinja qed iservu biss bħala okkażjoni għal ritratti minħabba li minnhom mhu qed joħroġ xejn ta’ sugu.
Oħrajn jgħidu li jkun aħjar li kieku l-President tal-Parlament Ewropew tiffoka fuq in-nuqqas ta’ interess qawwi f’ħafna pajjiżi tal-Unjoni Ewropea fil-Parlament Ewropew innifsu hekk kif ir-rata ta’ votanti fl-elezzjonijiet kulma jmur qed tkompli tonqos.