Il-ġurnal influwenti Politico kompla jirrapporta dwar kif il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, ma rrispettatx id-data sa meta d-deputati Ewropej huma obbligati li jiddikjaraw ir-rigali li jkunu rċevew meta ddikjarat uffiċjalment 142 rigal li qalgħet minn mindu daħlet fil-kariga sena ilu.
Il-ġurnal internazzjonali żvela li dawn ir-rigali kienu jinkludu mawra lussuża fir-reġjun ta’ Borgonja, fi Franza, li hu magħruf ferm għall-inbid tiegħu. Iż-żjara kienet tinkludi ċena lussuża f’kastell medjevali u lejl f’lukanda għaliha u għal żewġha f’lukanda ta’ ħames stilel. F’dan il-każ il-kontijiet tħallsu minn soċjetà esklużiva tal-esperti tal-inbid, il-Confrérie des Chevaliers du Tavestin.
Kien f’Ottubru li għadda meta Metsola vvjaġġat lejn Borgonja biex tirċievi l-pożizzjoni onorarja ta’ dama ta’ din il-fratellanza tal-inbid. Il-lobby tal-inbid għandu influwenza kbira fi Franza u fi Brussell, minħabba li l-inbid huwa prodott li jħalli ħafna qligħ mill-esportazzjoni tiegħu u, għaldaqstant, huwa element ċentrali għall-politika kummerċjali tal-Unjoni Ewropea.
Il-Politico rrapporta li, filwaqt li fih innifsu dan kollu mhux kontra r-regolamenti interni tal-Parlament Ewropew, id-deputati Ewropej għandhom sa tmiem ix-xahar li jkun imiss biex jiddikjaraw pubblikament kwalunkwe vvjaġġar, akkomodazzjoni, jew stipendji li jkunu ħallsulhom partijiet terzi, bħal gvernijiet jew organizzazzjonijiet.
Għalkemm il-mawra mħallsa għal Metsola u żewġha f’Borgonja seħħet fit-22 ta’Ottubru li għadda, hija ma ddikjarathiex fuq is-sit elettroniku tal-Parlament qabel il-11 ta’ Jannar, ferm wara d-data sa meta d-deputat Ewropej huma obbligati jagħmlu dan.
Meta l-Politico staqsa lil Metsola jekk b’hekk kinitx kisret ir-regoli, hija wieġbet li ma kienx il-każ għax hija l-President tal-Parlament. Hija wegħdet li, minn issa ’l quddiem, kull darba li tmur xi mkien se tibda tiddikjara. Kelliem għal Metsola qal li l-fatt li hija għażlet li tiddikjara din il-mawra f’Borgonja hija mossa maħsuba biex izżid it-trasparenza u tmexxi bl-eżempju.
Id-deputat Ewropew tal-Ħodor Daniel Freund qal lil Politico li issa jistenna li l-Parlament Ewropew jagħti amnestija lid-deputati tiegħu li, bħal Metsola, issottomettew tard id-dikjarazzjonijiet tagħhom dwar mawriet sponsorjati minn terzi. Huwa qal li, imbagħad, ir-regoli dwar it-trasparenza jridu jittieħġu bis-serjetà u l-imġiba ħażina għandha tiġi ssanzjonata.
Il-Politico rrapporta wkoll li, f’temp ta’ tlett ijiem, il-ġimgħa l-oħra Metsola rreġistrat ukoll tliet mawriet oħrajn li fihom l-akkomodazzjoni tħallset minn partijiet terzi, u li t-tlieta li huma nnotifikathom fr-reepġistru ħafna wara li kien skada ż-żmien stipulat għad-deputati Ewropej biex dan isir. Hija ddikjarat ukoll li attendiet għall-partita finali tal-UEFA Champions League f’Pariġi f’Mejju li għadda.