Il-pulizija għalqet l-istħarriġ tagħha b’rabta ma’ każ li jmur lura għal Novembru tal-2015 meta tigra attakkat tifel ta’ tliet snin fil-kumpless Montekristo. B’rabta ma’ dan il-każ se jkun qed jitressaq il-qorti, f’Lulju, Charles Polidano, magħruf bħala ċ-Ċaqnu. Polidano huwa s-sid ta’ dan il-kumpless.
Jirriżulta li Polidano se jkun qed jiffaċċja erba’ akkużi meta jidher quddiem il-Maġistrat dwar dak li ġara fil-jum tal-Ħadd 28 ta’ Novembru ta’ sentejn ilu. Imkejjen viċin id-depot spjegaw li l-ewwel akkuża se tkun li rabba annimali agressivi li jistgħu joħolqu periklu għas-sigurtà tal-bniedem u annimali li skont ir-regolamenti ma jistgħux jitrabbew. Se jkun akkużat ukoll li żamm stabbiliment żooloġiku mingħajr liċenzja u li huwa riċediv. L-imkejjen fid-depot qalu wkoll li akkuża oħra hi li bi traskuraġni kkaġuna ġrieħi gravi fuq il-persuna ta’ dan it-tifel. Din hija l-akkuża li biha se jkunu mixlija wkoll iż-żewġ ħaddiema tiegħu. Wieħed Malti u ieħor barrani.
Dakinhar it-tmexxija taż-żoo li kien qed jopera mingħajr liċenzja kienet għalqet il-post u l-pulizija bdiet bl-istħarriġ minnufih. It-tifel kien sofra ġriehi gravi f’wiċċu u kien rapportat li kellu bżonn plastic surgery. It-tifel kien ma’ qarib tiegħu fil-ħin tal-inċident u weġġa’ għaliex it-tigra qabditu u ġibditu lejha bħal meta wieħed idur ma’ xi ħadd qisu qed jgħannqu. Impjegat taż-żoo kien beda jagħti lit-tigra sakemm telqet lit-tifel.
Dakinhar il-Kap Eżekuttiv tal-Kumpless u l-avukat ta’ Polidano kien qal li dak li ġara kien li t-tifel kien resaq lejn it-tigra u din laqtitu b’difrejha f’wiċċu. Skont hu t-tigra ma kinetx attakkat lit-tifel imma provat tilgħab miegħu u kien wiegħed li se tittieħed azzjoni. Saħansitra dwar dak il-każ kien ikkummenta l-gvern li permezz ta’ stqarrija kien qal li kien qed jieħu l-każ bl-ikbar serjetà u kien appella lill-pulizija biex tinvestiga bl-ikbar serjetà u tieħu l-passi kontra kull min għandu xi forma ta’ responsabbiltà.