Għal kważi ħamsin sena Victor Fenech ilu wieħed mill-poeti ewlenin ta’ pajjiżna. Mhux biss huwa poeta ta’ ħiliet lingwistiċi mill-aqwa, imma wkoll innovatur, li fost oħrajn introduċa l-poeproża fil-letteratura Maltija. Is-sena li għaddiet huwa ingħata rikonoxximent mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għall-kontribut uniku tiegħu fil-letteratura ta’ pajjiżna.
Nhar it-Tnejn, 9 ta’ April, bħala parti mis-sensiela ‘Iljieli fit-Teatru’, b’kollaborazzjoni bejn Pjazza Teatru Rjal u l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, se tittella’ serata fejn ix-xogħol ta’ Victor Fenech u l-poeta nnifsu se jkunu ċċelebrati, flimkien mal-ħiliet tal-pjanista jazz Joe Debono. Victor Fenech se jkun intervistat minn Melvic Zammit, ġurnalista żagħżugħ u ta’ talent, u l-poeta se jkun qed jaqra anke xi xogħlijiet minn tiegħu li kiteb tul il-karriera letterarja twila tiegħu. Joe Debono, li huwa isem magħruf sew ma’ dawk kollha dilettanti tal-mużika Jazz f’pajjiżna, se jdoqq xogħlijiet jazz li jkopru t-tul tas-snin li matulhom ilu jikteb Victor Fenech.
Din mistennija tkun serata rilassata, ta’ interess għall-pubbliku in ġenerali, b’mod speċjali għal dawk l-istudenti li qegħdin jistudjaw il-Malti u għandhom il-poeżija ta’ Victor Fenech fis-sillabi tagħhom. Id-dħul huwa b’xejn u kulmin jixtieq jattendi għandu jibgħat email jikkonferma l-attendenza fuq admin@pjazzateatrurjal.com
Is-serata se ssir fil-Green Room ta’ Pjazza Teatru Rjal, il-Belt Valletta u tibda fis-7.30pm.