Il-Partit Nazzjonalista tant hu populist li mar quddiem għassa jgħid li hija magħluqa mentri din l-għassa qed titranġa biex tagħti servizz aħjar lin-nies. Il-fatti huma li qatt daqs illum ma’ l-Pulizija kellha proprjetajiet jagħtu servizz madwar il-pajjiż, u Pulizija preżenti bil-Pulizija tal-komunità madwar il-pajjiż kollu.
Qal dan fi stqarrija l-PL fejn tenna li fl-istess ħin ix-xogħol jibqa’ għaddej għax barra x-xogħol fuq l-għassa tal-Imsida, għaddejjin xogħlijiet oħra fosthom fuq l-għases tal-Ħamrun, ir-Rabat, l-Imtarfa – li minn Uffiċċju tal-Pulizija tal-Komunità ser jinbidel fit-tieni Domestic Violence Hub fil-pajjiż – u xogħlijiet oħrajn fosthom fuq l-Għassa tal-Gżira.
Fl-aħħar snin, Gvern Laburista fetaħ għassa tal-Pulizija ġdida state-of-the-art f’Marsaskala, fetaħ l-ewwel Gender and Domestic Violence Unit f’Santa Lucija, għamel rinovar totali f’numru ta’ għases bħal dawk ta’ Marsalforn u s-Siġġiewi li llum qed joperaw 24/7 filwaqt li bidel għases sekondarji li tradizzjonalment kienu jkunu magħluqa u bdew jiġu konvertiti bħala uffiċini tal-community policing filwaqt li fetaħ oħrajn ġodda bħal dak f’Marsaxlokk.
Dan filwaqt li ġiet ukoll introdotta l-faċilità ta’ remote reporting fejn persuna jkun jista’ jagħmel rapport mill-kumdità ta’ daru filwaqt li xorta waħda jkollu komunikazzjoni mal-Pulizija anke b’mod virtwali.
Minbarra investiment fir-riżorsa umana b’titjib sinifikanti kemm f’dik li hija take-home pay, immodernizzar tal-flotta u l-għodod li jaħdmu bihom, ġew introdotti l-body-worn cameras, titjib kontinwu fl-ambjent tax-xogħol, anke b’uniformi moderna u aktar prattika. Ċertament li dan ġie msarraf f’dinjità lill-uffiċjali u wassal għal servizz aktar professjonali. Kif jindikaw riżultati miksuba fosthom l-istatistika tal-NSO li tgħid li 90% tal-poplu Malti u Għawdxi għandu fiduċja fil-Pulizija u r-Rule of Law Index li jgħid li s-sigurtà ta’ pajjiżna hi waħda b’saħħitha u jpoġġi lil Malta mal-iktar għaxar pajjiżi siguri fid-dinja.
Għalhekk, l-Oppożizzjoni għandha tieqaf tkun popolista u liċ-ċittadini tgħidilhom il-fatti kif minn għases fi stat ta’ abbandun illum qed isir investiment kontinwu biex dawn joffru l-aqwa ambjent liċ-ċittadini u lill-uffiċjali, li llum il-Korp tal-Pulizija għandu l-ikbar preżenza fit-toroq u li l-Uffiċjali qatt ma ngħataw il-kundizzjonijiet li jgawdu minnhom illum. Ċertament li dan kollu ta aktar dinjità lill-uffiċjali tagħna u qegħdin isarrfuh in-nies f’servizz aqwa.