“Il-pajjiż ma jistax jissogra li jitlef dak li nkiseb fl-aħħar erbà snin.”
Dan kien il-messaġġ tal-Prim Ministru Joseph Muscat quddiem folla kbira fil-pjazza tas-Siġġiewi, dan b’referenza għall-proposti li ħabbar Simon Busuttil ilbieraħ, proposti li diġà saru.
Fosthom dik li jagħti l-vot lil żgħażagħ ta’ sittax-il sena għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali. “Dan jaf li dawn diġà ivvottaw f’din l-elezzjoni fl-2015?” saqsa l-Prim Ministru.
Filwaqt, li l-Partit Nazzjonalista qed jipproponi dak li diġà ġara sentejn ilu, spjega Joseph Muscat, il-Partit Laburista qed jara li dan id-dritt issa jibda jingħata lil dawn iż-żgħażagħ anke fl-elezzjonijiet Ewropej u fl-elezzjonijiet ġenerali.
Din ma kinitx l-unika proposta li l-koalizzjoni ta’ konfużjoni qed tipproponi mingħajr ebda kredibilità, dan hekk kif qed tipproponi ukoll li l-prezz tal-petrol u d-diesel jorħos b’5c.
“Iżda ma qalilniex meta u kif se jagħmel dan. Lilna qalilna li kellna nraħħsu l-petrol u d-diesel b’50c, mela għalfejn mhux se jraħħsu b’dan l-ammont Simon Busuttil?” huwa żied jgħid li bl-istess kejl u raġunament tal-Kap tal-Oppożizzjoni, Gvern Nazzjonalista jkun qed “jisraq” lil poplu b’45 ċenteżmu.
Dan fost proposti oħra li ħabbar, proposti li mhumiex costed u li dwarhom saru kalkoli ħżiena. Għalhekk, tenna l-Prim Ministru din il-koppja instabbli “M’għandiex idea kif tmexxi pajjiż.”
Iżda Gvern laburista b’dawk li wettaq li qed iwiegħed qed juri li baqa’ viċin tan-nies u li se jkun qed ikompli jmexxi lil pajjiżna fid-direzzjoni t-tajba. Min-naħa l-oħra, spjega l-Prim Ministru, anke n-Nazzjonalisti ġenwini ma jridux li l-pajjiż jitmexxa minn żewġ kaptani.
Għalhekk, Joseph Muscat, temm jgħid li meta ħaddieħor qal li għandu “dmir li jobgħodni”, hu għandu d-dmir li jirispetta u jkompli jaħdem għal kulħadd.
“Għalhekk f’dawn id-disat ijiem jeħtieġ li nkomplu nikkonvinċu biex fit-tlieta ta’ Ġunju nivvottaw għall-aqwa żmien ta’ pajjiżna.”