Il-Partit Laburista stqarr li għall-kuntrarju għal dak li qal il-Partit Nazzjonalista, l-ordni tal-ġurnata fejn tidħol l-infrastruttura huma proġetti ġodda li minnhom igawdi ċ-ċittadin.
“Qed jidher dejjem iktar ċar li l-Partit Nazzjonalista mhux qed jogħġbu r-ritmu ta’ xogħol infrastrutturali li nqabad f’pajjiżna. Għax il-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech baqa’ ma jiħux gost bil-ġid,” sostna l-Partit Laburista.
Il-Partit Laburista saħaq li l-ambizzjoni, l-għaqal u l-perseveranza ta’ dan il-Gvern wasslet biex illum tlestiet il-Marsa Junction li huwa l-akbar proġett infrastrutturali ta’ pajjiżna b’€70 miljun, saru ‘l fuq minn 500 triq residenzjali u rurali, sar €20 miljun investiment fil-mini l-ġodda ta’ Santa Luċija u għaddej €55 miljun investiment fil-proġett tas-Central Link. Dawn kollha proġetti li jikkumplimentaw katina ta’ proġetti infrastrutturali oħra u li qed jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies.
Huwa temm jgħid li Gvern Laburista qed jibqa’ juri li anke fl-infrastruttura jżomm il-wegħdi tiegħu. Għalhekk kredibbli. Min-naħa l-oħra l-Partit Nazzjonalista għandu problemi kbar ta’ kredibbiltà għax meta wiegħed ma wettaqx u llum għadu juri b’mod ċar li m’għandux pjan.