Fl-aħħar sigħat komplew jaslu f’idejn ONE News aktar messaġġi li ġew illikjati minn gruppi ta’ Whats App tal-Partit Nazzjonalista.
Din id-darba ONE News jista’ jiżvela messaġġi li ġew illikjati mill-grupp “Kap Retweeters”. Kif jixhed l-isem tal-grupp, il-grupp jintuża minn dawk il-persuni qrib l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia, sabiex ixerrdu propaganda tal-Kap.
ONE News jista jiżvela kif Julian Micallef persuna qrib Adrian Delia u wieħed mill-persuni li jmexxi l-grupp Kap Retweeters, qaċċat ‘il barra mill-grupp lill-eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Rosette Thake.
Thake hija persuna qrib ħafna tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil. Micallef qaċċat lil Thake il barra mill-grupp, fi żmien meta Thake kkummentat dwar l-allegazzjonijiet fuq il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia.
Thake kitbet li Kap tajjeb, b’integrità u b’awtorità morali joħroġ mix-xena b’rasu mgħollija u jaġixxi skont dak li jippriedka. Qalet li nies prużuntużi qatt ma jagħrfu dan il-mument u jibqgħu għaddejjin b’arroganza, bil-konsegwenza li l-istorja tqishom bħala insinjifikanti.
Dak li kitbet Thake għoġob lid-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina, li għamel “like” fuq il-post ta’ Thake.
Fil-fatt, f’messaġġi illikjati mill-grupp “Kap Retweeters”, Clint Zammit, esponent Nazzjonalist, għamel referenza għall-“like” ta’ Karol Aquilna fuq il-post ta’ Rosette Thake kontra Adrian Delia u għall-inkwiet intern fil-Partit Nazzjonalista.
“In-nies li vera nħobbu l-Partit bqajna nittamaw f’għaqda li qatt mhu ser iseħħ. Fost in-nies li għamlu l-like lis-Sinjura Thake hemm deputat stess.” – kiteb Clint Zammit, għatxan li fil-Partit Nazzjonalista ikun hemm l-għaqda u l-Partit ma jibqax fis-sitwazzjoni miżera li jinsab fiha.
Dak li kitbet Rosette Thake, ġab reazzjoni ukoll ta’ Justin Schembri, persuna qrib ta’ Adrian Delia u li kkontesta l-Elezzjoni Ġenerali tal-2017 mingħajr suċċess.
F’messaġġ illikjat mill-grupp Kap Retweeters, Schembri kellu kliem ta’ twissija fil-konfront ta’ nies bħal Rosette Thake, li jikkritikaw lil Adrian Delia.
“Fl-opinjoni tiegħi l-Partit għandu jżomm rendikont ta’ min qiegħed jagħmel il-ħsara fuq is-social media u importanti li ma narawx nies minn dawn jikkontestaw f’isem il-Partit Nazzjonalista.” – wissa Justin Schembri.
Lil Justin Schembri, wieġbu Pierre Portelli, esponent Nazzjonalista, u b’ċiniżmu qallu “Jew jidħlu d-Dar Ċentrali bil-pompa u jikkmandaw” b’referenza għal nies tal-fazzjoni tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil.
Dawn il-messaġġi mill-Grupp “Kap Retweeters” ikomplu jikkonfermaw l-firda u l-inkwiet intern fil-Partit Nazzjonalista. Bin-nies mill-fazzjoni ta’ Adrian Delia, ma jarawx għajn m’għajn ma nies mill-fazzjoni ta’ Busuttil u ma jitilfux okkażjoni waħda biex jgħidu u jaġixxu kontra xulxin.