L-avukat Pawlu Borg Olivier, f’isem il-Partit Nazzonalista għamel żball fl-appell tal-aħħar deċizjoni tal-qorti b’ rabta mal-kawża tas-siġġijiet fil-Parlament.
Dan għaliex fir-rikors ta’ dak li jissejjaħ appell inċidentali, Borg Olivier irrefera għal data ħażina. B’hekk teknikament l-appell tal-Partit Nazzjonalista huwa għal kawża li ma teżistix.
Quddiem il-qorti Kostituzzjonali, Borg Olivier talab li tingħata deċiżjoni dwar il-korrezzjoni tad-data, u jekk il-qorti ma taqbilx, l-appel ma jkunx validu.
Dan huwa l-istess appell li l-Partit Nazzjonalista għamel wara li attakka lill-Partit Laburista u l-Gvern meta iddikjaraw li se jappellaw f’ Mejju li għadda, li skont Simon Busuttil sar biex jitawwal iż-żmien.
Il-Partit Nazzjonalista ma qabilx mal-mod kif il-qorti ddeċidiet dwar Għawdex fit-tieni sentenza tagħha u għalhekk qed isostnu li d-deċiżjoni għandha tkun preċiżament bħal dik tal-ewwel sentenza. Anke jekk iż-żewġ sentenzi taw żewġ siġġijiet iktar lill-Partit Nazzjonalista.
L-appell kien iffirmat minn Paul Borg Olivier u qed jidhru fih f’isem il-Partit Nazzjonalista l-Kap Simon Busuttil, is-Segretarju Ġenerali Rosette Thake, il-President tal-Eżekuttiv Ann Fenech u d-deputati Claudette Buttigieg u Frederick Azzopardi.
Id-deċjiżjoni dwar il-korrezzjoni fid-data tal-appell, u t-trattazzjoni tal-appell tal-Kummissjoni Elettorali se jsiru fis-26 ta’ Settembru li ġej.