Gvern Nazzjonalista mmexxi minn Simon Busuttil jipperikoli bi sħiħ l-istabbiltà fil-prezzijiet tad-dawl u l-ilma. Bl-iktar mod ċar il-Kap tal-Oppożizzjoni dalgħodu qal li l-PN fil-Gvern “ma jagħtix kas il-kuntratt li għamlu mal-Electrogas”.
L-istess kap ta’ partit li qal li t-traħħis fil-kontijiet qatt ma kien possibbli, issa insista li l-kontijiet tad-dawl u l-ilma kellhom jorħsu iżjed. Iżjed minn hekk, qal li kien Gvern Nazzjonalista li bena l-infrastruttura biex illum dan il-Gvern qed iwettaq il-pjan tiegħu tal-enerġija. Busuttil preżenta lista twila ta’ ċifri u figuri li jemmen li bihom, il-kontijiet li qatt ma’ raħsu fi kwart ta’ seklu, issa għandhom jibdew jorħsu.
Simon Busuttil qal li l-baġit huwa “baġit taparsi soċjali” li jiftaħar li qed jindirizza l-faqar iżda “jfalli t-test tal-faqar”. Dan meta kienet il-Caritas stess li qalet li kien baġit li ħaseb fiż-żgħir.
Dan kollu qalu fil-Każin Nazzjonalista ta’ Santa Venera. “Aħjar tiħasel waħda u tajba mill-ħmieġ li għandek” kien eżatt il-kliem li uża Simon Busuttil fil-konfront tal-Prim Ministru Joseph Muscat. Meta qal dan, ma tenna ebda kelma dwar il-Viċi Kap tiegħu Beppe Fenech Adami, li ismu jidher f’investigazzjoni internazzjonali dwar ħasil ta’ flus. Ma tenna ebda kelma lanqas fuq Tonio Fenech,direttur ta’ fond investigat mill-aġenzija għall-pensjonijiet fl-Iżvezja.